Loqma ta’ sigarett li ġiet elevata minn taħt ċint taħt siġra fil-Bidnija nstab li kellha traċċi ġenetiċi jew aħjar id-DNA ta’ Alfred Degiorgio li flimkien ma’ ħuh George u Vince Muscat jinsab mixli bil-qtil tal-ġurnalisti Daphne Caruana Galiza.
Dan ġiet żvelata mill-espert forensiku Dr Marisa Cassar waqt li l-Ġimgħa filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati.
Fil-bidu tas-seduta, Dr Cassar dehret dieħla fl-awla b’żewġ xkejjer kbar b’oġġetti li nġabru mill-Bidnija kif ukoll minn dawk li kienu l-imħażen tal-patata fil-Marsa.Fil-Qorti, l-esperta nnominata mill-Maġistat Anthony Vella xehdet kif fl-esebiti kien hemm profili ġenetiċi ta’ 12-il persuna li tqabblu ma’ tal-aħwa Alfred u George Degiorgio. Kien hawn li rriżulta li s-sigarett li nġabar minn taħt iċ-ċint fil-Bidnija kien ta’ Alfred Degiorgio.
Fis-seduta tal-Ġimgħa filgħodu ħareġ ukoll li l-filmati li ttieħdu mill-bugħaddasa tal-Armati bejn l-4 u t-8 ta’ Diċembru li għadda b’camera GO PRO- u li kienu miżmuma kemm fil-kompjuter tal-armata kif ukoll f’SD CARD, intilfu minħabba ħsara.
Dan il-fatt xehdu Matthew Sant fejn qal li hu ra b’għajnejh dawn il-filmati li ttieħdu fuq l-istess kompjuter iżda jidher li għal xi raġuni l-informazzjoni inqerdet. Spjega li saru diversi tentattivi sabiex l-informazzjoni tiġi salvata – fejn saħansitra kien hemm ukoll l-involviment tal-esperti tac-CyberCrime- iżda dan kien kollu ta’ xejn.
L-Ispettur John Spiteri li fit-tfixxtija fl-appartament ta’ George Degiorgio f’San Pawl il-Baħar instab apparat elettroniku fosthom telefons ċellulari u sim cards fost l-oħrajn. Semma li fil-kamra tas-sodda matrimonjali ta’ Degiorgio instabu xi karti fosthom dokument bl-akkużi li jmorru lura għall-2008.
Il-każ mistenni jkompli fis-26 ta’ April li ġej.