Al Mahy Ezzo Saeed li qed ikun mixli li bil-qtil ta’ Adri Mohammed fl-24 ta’ Lulju fil-Marsa, dakinhar prova jagħti daqqa ta’ sikkina lil raġel ieħor li żammu milli jaħrab.
Dan id-dettall ġie żvelat waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-imputat quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.
Fost xhieda oħra, xhud mis-Sierra Leone fis-seduta spjega kif ra lill-imputat jagħti daqqa ta’ sikkina f’dar il-vittma. L-istess xhud kompla jispjega kif l-imputat proċeda b’daqqa ta’ sikkina oħra f’sider il-vittma b’riżultat li beda ħiereġ id-demm. Hemm spjega li telaq kollox minn idu u ċempel lill-Pulizija.
Ix-xhud żied jgħid li wara li mar ifittex l-għajnuna rritorna fuq il-post u sab lill-imputat hemmhekk. Huwa qallu biex jistenna lill-Pulizija madankollu l-imputat qabad ixejjer is-sikkina lejh. Kien hemm li x-xhud spjega li żgiċċa l-attakk tal-imputat bis-sikkina u tah daqqa bis-saħħa.
Wara dan l-iżvilupp, l-imputat ħarab u x-xhud kompla jgħid kif hu flimkien ma’ oħrajn ħarbu warajh sakemm qabduh.
Il-każ ikompli jinstema f’Ottubru li ġej.