FIl-Qorti ġew ippreżentati l-fdalijiet tal-mobile phone ta’ Daphne Caruana Galizia; li kien magħha fil-karozza waqt l-isplużjoni fil-Bidnija.
Dan ġara hekk kif it-Tnejn filgħodu kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużat bil-qtil tagħha – l-aħwa George u Alfred Degorgio magħrufa bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu u Vince Muscat il-Koħħu.
Il-biċċiet tal-mobajl ġew ippreżentati lill-Qorti mill-Ispettur Charlot Casha stazzjonat fit-Taqsima Forensika tal-Korp tal-Pulizija, wara li dawn ġew analizzati minn esperti fl-Olanda.F’dehra mhux tas-soltu f’awla numru sebgħa, ġew ippreżentati lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit eluf ta’ esebiti li nġabru minn fuq ix-xena tar-reat fil-Bidnija.
Filfatt il-Pulizija mit-Taqsima Forensika, daħlet fil-qorti b’għexieren ta’ kaxxi u xkejjer mimlija b’dawn l-esebiti, u li għal kull biċċa esebit ingħatat spjegazzjoni.
Fl-istess seduta xehdu wkoll żewġ rappreżentanti tal-kumpaniji ta’ telefonija Melita u GO rispettivament.
Ir-rappreżentanta ta’ MELITA ppreżentat fil-qorti l-informazzjoni ċellulari ta’ telefonati, SMS’s u internet data tal-akkwati tal-Bidnija nhar is-sittax ta’ Ottubru li għadda bejn is-sagħtejn u nofs u t-tlieta u kwart ta’ wara nofs in-nhar.
Min-naħa tiegħu r-rappreżentant ta’ GO ppreżenta l-istess informazzjoni, madankollu żied li kien hemm żewġ numru partikolari li rriżultaw li għamlu telefonati ma’ numri oħra u li setgħu kienu ta’ interess.
Is-seduta tat-Tnejn filgħodu bdiet bix-xhieda tal-espert tal-qorti fl-informatika u t-tekonoloġija Keith Cutajar.
Cutajar flimkien mal-Kaptan Reuben Lanfranco ġew innominati mill-Qorti sabiex jagħmlu analiżi tal-filmati li juru d-dgħajsa MAYA propjeta ta’ Alfred Degorgio dieħla fil-Port il-Kbir dakinhar tal-qtil u jqabblu dan il-filmat ma’ ieħor li nġabar ġimgħat wara.
Allegatament minn fuq din id-dgħajsa George Degorgio ċ-Ċiniż bagħat l-SMS li permezz tiegħu ġiet attivata l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.