F’awla seba’ tal-Qorti kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati mixlija biil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru li għadda. Bosta membri tal-korp tal-Pulizija u l-Forzi Armata ta’ Malta u staff mediku tal-isptar Mater Dei li kienu xogħol dakinhar telgħu jixhdu u rrakkontaw dak li seħħ minuti wara l-isplużjoni. Ingħad li l-esperti tal-Europol akkumpanjaw lill-pulizija f’kull tfittxija li saret fid-djar tat-tliet akkużati.
Xehed ukoll Mario Vella, ir-raġel li ftit tal-jiem wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, binha Matthew akkużah li ħa xi ritratti fuq il-post u kien għalhekk li kissirlu l-mobile. Madankollu, fil-qorti ħareġ li Vella ma ħa l-ebda ritratti.
Xehed ukoll raġel Għawdxi li rrakkonta li ltaqa’ b’kumnbinazzjoni mal-akkużat Alfred Degiorgio f’parkeġġ fil-Pieta u taw in-numru lil xulxin. Dan wara li l-akkużat wegħdu li kien se jitla’ jarah Għawdex. Madankollu l-akkużat niżżel in-numru tiegħu fil-mobile bl-isem ta’ ‘Roger’. Huwa xehed li ftit taż-żmien wara l-akkużat mar Għawdex u wara li ċempillu, iltaqa’ miegħu għal kwarta f’lukanda fix-Xlendi. L-ispettur Arnaud qal lill-Qorti li dak li seħħ matul il-laqgħa ma kienx relevanti għall-każ.
Mill-kumpilazzjoni ħareġ ukoll kif dakinhar tal-arresti, id-dar ta’ Vincent Muscat magħruf bħala l-koħħu ġewwa s-Siġġiewi kienet iċċirkondata. Madankollu meta sar magħruf li hu ma kienx fuq il-post, ir-residenza ġiet imfittxija u ġiet miġbura biċċa minn kompjuter li nfetaħ fuq il-post.
Membri tal-forensika u tal-europol ħadu wkoll mobile li jappartjeni għall-bint l-akkużat. Kien hawnhekk fejn id-difiża oġġezzjonat li ma kienx hemm awtorità biex dan isir. Mill-Imsida ġiet elevata wkoll karozza tal-akkużat.
Tul is-smiegħ l-akkużati dehru kalmi għall-aħħar tant li xi kultant dehru wkoll jitbissmu u jgħaddu xi kummenti f’widnejn xulxin.
Qabel intemmet is-seduta, l-avukati difensuri ppreżentaw rikors biex l-avukati jkunu jistgħu jitkellmu mal-akkużati flimkien anke jekk wieħed mill-avukati jkun assenti.
Saħqu li f’dan il-każ qegħdin jaħdmu bħala tim u għalhekk m’għandhomx jinżammu ma jitkellmux mal-klijenti ta’ xulxin.
Il-prosekuzzjoni m’opponietx bil-qorti tordna notifika lid-direttur tal-ħabs dwar dan il-qbil.
Il-każ se tkompli nhar it-tnax t’April.