Il-Ħamis filgħodu fil-Qorti reġgħu tressqu l-aħwa Degiorgio u s-sieħba ta’ wieħed mill-aħwa, Anca Adelina Pop.
Separatament mill-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-aħwa Degiorgio flimkien mar-Rumena, jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus wara li l-pulizija għokritha għajnhom minħabba l-ħajja lussuża li kienu jgħixu, mingħajr ma kellhom il-mezzi meħtieġa jew xogħol biex jgħixu.
Fil-Qorti dehru diversi xhieda fosthom bejjiegħa tal-karozzi u fost dawn spikka n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-ħlasijiet li saru fuq il-karozzi.
Bejjiegħ tal-karozzi minn Ħal Qormi spjega kif huwa biegħ karozza lussuża tat-tip Mitsubishi elegance lil George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż.Huwa sostna li ma jiftakarx l-ammont kemm inbiegħet il-vettura kif ukoll li m’għadx għandu d-dokumentazzjoni dwar dan.
Libjan li jgħix il-Pieta ġie mistoqsi dwar ix-xiri ta’ karozza Audi iżda bħal ta’ qablu ħalef li ma jiftakar xjen dwarha. Rappreżentant ieħor ta’ kumpanija oħra tal-karozzi kkonferma li rreġistra karozza lussuża tat-tip BMW li ġiet impurtata miċ-Ċiniż innifsu. Fil-Qorti nstema’ wkoll il-każ dwar karozza Corvette li ġiet impurtata tliet snin ilu wara li s-sieħba taċ-Ċiniż laħqet ftehim dwarha għas-somma ta’ erbgħa u disgħin elf ewro. Din il-karozza għadha ma tistax tinbiegħ wara li fuq ordni tal-Qorti kienet parti mill-assi friżati.
Intant l-avukat difensur tas-sieħba taċ-Ċiniż talab għal-liberta proviżorja tal-klijenta tiegħu. Huwa spjega kif minn Adelina Pop jiddependu erba’ t’itfal u kienet ilha diġa ġimgħatejn arrestata.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud iddeċidiet li fil-jum tal-Ġimgħa tkompli tisma’ l-każ u tiddeċiedi fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
http://www.one.com.mt/2018/07/06/zvelata-l-hajja-lussuza-tal-fulu-u-c-ciniz/
http://www.one.com.mt/2018/06/27/l-ahwa-degiorgio-u-rumena-l-qorti-bhasil-ta-flus/