Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontra Jordan Azzopardi – li qed jiġi akkużat li kien il-moħħ wara ċirku ta’ traffikar ta’ kokaina u eroina, xehed spettur tal-pulizija.
F’seduta ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, l-Ispettur Frank Anthony Tabone mill-iskwadra ta’ kontra d-droga spjega kif tmexxiet l-investigazzjoni li wasslet biex tinqabad l-operazzjoni sofistikata ta’ traffikar ta’ droga.
L-Ispettur stqarr li kien ilhom jidħlu rapporti fuq Azzopardi. Dawn is-suspetti bdew jiġu kkonfermati meta l-pulizija nnutat li persuni li huma magħrufa mill-pulizija li jagħmlu użu mid-droga, kienu qed jiffrekwentaw l-istess garaxx.
Parti mix-xhieda saret b’bibien magħluqa.
Il-pulizija għamlet raid fil-garaxx fejn instabu flus kontanti u droga. L-Ispettura spjega li l-graxx kellu żewġ bibien u fih kien hemm installata wkoll kamera tas-sigurtà, li ntużat bħala evidenza.
16 -il persuna kienu arrestati, fosthom Axel Vella li ħa responsabbilità tal-post. Iżda iżjed tard ġie magħruf li l-garaxx huwa ta’ Charles Chirchop, li qal li krieh lil Azzopardi u saħansitra ta lil pulizija l-kuntratt tal-kirja.
Raġel li jinsab f’Monte Karmeli għażel li jixhidx għax jista’ jinkrimina ruħu.
L-avukat difensur Franco Debono staqsa lill-prosekuzzjoni kemm fadal xhieda li jridu jitilgħu jixhdu, biex ikun jista’ jressaq it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-każ ġie differit għat-tlieta u għoxrin t’Awwissu biex tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest.