Fil-Qorti kompliet tinstema’ x-xhieda b’rabta mal-każ tal-allegat tixħim f’testijiet tas-sewqan.
It-Tlieta beda jixhed Roderick Cavallo, bħala x-xhud ewlieni tal-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Wayne Borg. Huwa qal li kien jingħata struzzjonijiet dwar kandidati partikolari.
Huwa qal li kien jieħu lill-kandidati minn toroq mhux daqstant traffikużi biex jiżdied iċ-ċans li dawn il-kandidati jgħaddu mill-eżami.
Ix-xhud qal li dawn l-allegati każijiet imorru lura għal madwar tliet snin ilu, u b’hekk isibha diffiċli li jiftakar kelma b’kelma x’kien intqal. Xehed ukoll li minn dak iż-żmien ma kompliex jirċieivi aktar struzzjonijiet.
F’partijiet oħra tas-seduta tal-lum, l-avukati difensuri ta’ wieħed mill-akkużati qalu li dak li ntqal kien spekulattiv.
Il-Maġistrat Rachel Montebello, li ppresediet din is-seduta, qalet li kien hemm biżżejjed evidenza fi stadju prima facie biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Il-każ mistenni li jkompli jinstema’ f’Novembru.