Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, ħareġ kif il-pulizija talbet lill-kumpaniji tat-telekommunikazzjoni għad-data tal-mobiles ta’ numru ta’ persuni.
Fost dawn il-persuni hemm in-numru tal-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar.
Waqt din il-kumpilazzjoni, xehdu diversi persuni, fejn qalu x’ġara dakinhar tad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni tat-Tnejn kien Dr Michael Spiteri, li qal kif dakinhar tal-każ mar fuq il-post. Qal kif ra karozza maħkuma min-nirien u qal kif mal-art ra biċċiet minn partijiet ta’ ġisem ta’ bniedem.
Xhud ieħor f’din il-kumpilazzjoni kien is-Surġent Ray Zammit, li huwa stazzjonat fl-iskawdra tal-omiċidji.
Qal kif jumejn wara d-delitt, iltaqgħu ma’ iben il-vittma, Matthew Caruana Galizia sabiex jitkellmu miegħu dwar il-karozza li kienet tuża ommu.
Iben il-vittma qalhom kif il-karozza kienet ipparkjata fit-Tradefair Grounds fin-Naxxar biex tiltaqa’ miegħu għall-kafè u wara ngħaqad magħhom missieru, Peter Caruana Galizia.
Xehed ukoll Duncan Dimech li fl-elfejn u sbatax kien uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija, li qal kif huwa kien qed jieħu ħsieb dwar l-investigazzjoni li minnha ħareġ, li persuna li toqgħod viċin id-dar ta’ Caruana Galizia kienet innutat karozza bajda pparkjata quddiem id-dar tal-vittma.
Ix-xhud qal li meta marru fuq il-post innutaw ċint qisu mwaqqa’ u kien hemm qisu post fejn xi ħadd kien qed josserva. Intqal ukoll kif huma sabu loqma ta’ sigarett u ppreservawh sabiex isiru aktar investigazzjonijiet.
Xhud ieħor kien Antoine Zahra, li jaħdem bħala suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan qal kif dakinhar tad-delitt kienu fil-post għaxar minuti wara li daħal ir-rapport u żguraw li l-post ikun sigur.
12:44 – Is-seduta ġiet aġġornata għal nhar il-Ħamis 8 t’April li ġej fl-għaxra ta’ filgħodu.
12:41 – Xehdet ukoll Dr Emily Abela minn Melita Ltd., li qalet kif f’Ottubru 2020 saret talba mis-Supretendent Keith Arnaud biex jippreżentaw informazzjoni dwar in-numru ta’ Edwin Brincat.
12:36 – Telgħet tixhed Charmaine Zammit minn Epic, li dak iż-żmien tar-reat kien Vodafone. Intqal kif wieħed min numri li fuqhom saret talba mill-Pulizija hija tal-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar.
12:29 – Tela’ jixhed Simon Aquilina li jaħdem ukoll fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, li qal kif fuq il-post kien hemm il-pulizija, il-Protezzjoni Ċivili u l-ambulanzi.
12:21 – Xehed ukoll Joseph Bondin, li jaħdem fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, li qal kif xogħlu kien li jevakwa lil kulħadd minn fuq il-post. Intqal ukoll kif huma kienu se jibdew it-tfittxija għall-bomba iżda qalulhom biex ma jmissu xejn, hekk kif ġejjin il-barranin.
12:16 – Tela’ jixhed Antoine Zahra, li jaħdem bħala suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta. Ix-xhud qal kif dakinhar kienu fuq il-post wara xi għaxar minuti, hekk kif daħal ir-rapport li kien hemm karozza bomba. Qal kif l-irwol tagħhom kien li jaraw jekk iż-żona hux sigura.
12:01 – Tela’ jixhed Joseph Fava, li dakinhar tar-reat kien stazzjonat mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fejn kien stazzjonat ix-Xemxija. Qal kif malli waslu kien hemm il-pulizija u l-ambulanza.
Qal kif reġgħu marru fuq il-post fid-19 ta’ Ottubru biex iqattgħu xi siġar minħabba l-investigazzjonijiet u qal kif marru darb’oħra biex jaħslu l-art.
11:43 – Wara tela’ jixhed l-uffiċjal Juan Mula, li dak iż-żmien tar-reat kien jaħdem fit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit. Semma kif dakinhar kien f’Ta’ Kandja, ma’ żewġ kuntistabbli oħra u fuq ir-radju tal-Pulizija daħal messaġġ li kien hemm karozza taqbad. Żied jgħid li kif kienu fit-triq għal fuq il-post, qalulhom li kienet karozza bomba.
Ix-xhud qal li anke t-triq minfejn għaddiet il-karozza, kien qed jaqbad ukoll u qal li kien impossibli li jmorru viċin il-karozza għax kien hemm nar qawwi.
11:39 – Tela’ jixhed l-uffiċjal Sandro Mamo, fejn semma x’ġara dak il-ħin li daħal ir-rapport.
11:34 – Tela’ jixhed Josef Gerada, li xehed dwar is-sejba tal-loqma tas-sigarett li nstab. Qal kif ġie stazzjonat Pulizija sabiex il-loqmma tiġi ppreservata.
L-uffiċjal tal-Pulizija qal kif iben il-vittma kien qallhom kif l-unika darba li ma kellu għajnejh fuq il-karozza kien meta mar l-Exiles. Matthew Caruana Galizia qal li huwa ħa l-karozza t’ommu wara li ltaqa’ ma’ ommu u missieru fin-Naxxar.
Qal ukoll kif wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech, ġewwa l-lock-up tal-Pulizija, mar jinvistah Dr Adrian Vella u qal li jkun aħjar li jittieħed l-isptar sabiex isiru xi testijiet. Intqal kif fl-isptar, Yorgen Fenech kienet saritlu operazzjoni żgħira.
11:09 – Wara kien imiss jixhed Duncan Dimech, li fl-2017 kien għadu jaħdem fil-Korp tal-Pulizija. Qal kif huwa kien qed jieħu ħsieb dwar l-investigazzjoni li minnha ħareġ, li persuna li toqgħod viċin id-dar ta’ Caruana Galizia kienet innutat karozza bajda pparkjata quddiem id-dar tal-vittma. Ix-xhud qal li meta marru fuq il-post innutaw ċint qisu mwaqqa’ u kien hemm qisu post fejn xi ħadd kien qed josserva. Intqal ukoll kif huma sabu loqma ta’ sigarett u ppreservawh sabiex isiru aktar investigazzjonijiet.
11:02 – Telgħa jixhed is-Surġent Ray Zammit li huwa stazzjonat fl-iskwadra tal-omiċidju. Qal kif l-Ispettur Kurt Zahra nfurmah bil-każ u qalhom biex imorru fuq il-post. Ix-xhud qal li kif waslu mill-ewwel raw li x-xena bdiet tiġi ppriservata.
Is-Surġent Zammit semma kif jumejn wara d-delitt iltaqgħu ma’ iben il-vittma, Matthew Caruana Galizia sabiex jitkellmu fuq il-karozza li kienet tuża Daphne Caruna Galizia. Qal kif il-karozza kienet ipparkjata fit-Tradefair Grounds fin-Naxxar biex ommu tiltaqa’ miegħu għall-kafè u wara ngħaqqad magħhom, missieru Peter Caruana Galizia.
Is-Surġent Ray Zammit tkellem ukoll dwar l-arresti tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu. Ix-xhud qal kif huwa ma kienx involut fil-ħidma għall-arrest iżda hu involut fit-tiftix li sar fit-tinda tal-patata fil-Marsa u ż-żona tal-madwar.
Ix-xhud tkellem dwar l-involviment tiegħu wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech u semma’ kif huwa kien inkariġat fit-task force tal-Europol dwar dan id-delitt.
10:47 – Telgħa jixhed Francis Meilak, li qal kif dakinhar kien stazzjonat fl-Għassa tal-Mosta u fit-triq raw daħna kbira.
10:44 – Wara telgħet tixhed Claire Zammit, infermiera fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Qalet kif qalulhom li kien hemm splużjoni u qalet kif Dr Michael Spiteri, wara li ċċekkja l-karozza qalhom li ma kienx hemm sinjal ta’ ħajja.
10:41 – Telgħet tixhed ukoll Dr Luana Caruana, tabiba fid-dipartiment tal-emerġenza, li qalet kif waslu raw daħna sewda u qalet li raw il-laħam mal-art.
10:37 – Fuq il-pedana tax-xhieda telgħet tixhed Dr Daphne Gatt, fejn qalet kif daħal rapport ta’ karozza bomba ftit wara t-tlieta ta’ waranofsinhar. Ix-xhud qalet li kif waslu fuq il-post mal-ewwel indunaw li ma setgħu jagħmlu xejn biex isalvaw il-persuna.
10:30 – Dr Spiteri qal kif hu ma kienx jaf li dak ir-raġel kien iben il-vittma. Żied jgħid li sa dak il-ħin qas kienu jafu min hi l-vittma.
10:29 – Qal kif waslu fuq il-post, raw karozza maħkuma min nirien u qal kif mal-art anke ra biċċiet minn partijiet ta’ ġisem. Semma kif kien hemm raġel fuq il-post li qal li dik kienet ommu.
10:27 – Dr Spiteri qal kif dakinhar tal-qtil ta’ Caruana Galizia, huwa kien xogħol u kif daħlet it-telefonata fl-emerġenza, marru mal-ewwel fuq il-post, fejn waslu għall-ħabta tat-3:15 ta’ waranofsinhar.
10:25 – L-ewwel xhud li telgħa jixhed fil-Qorti kien Dr Michael Spiteri, li huwa tabib tal-emerġenza fl-isptar Mater Dei.
Fil-Qorti, dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.