Illum issuktat il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Abner Aquilina.
Dan hekk kif qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Paulina Dembska nhar it-2 ta’ Jannar li għadda. Hija nstabet mejta fi Ġnien l-Indipendenza, Tas-Sliema.
Fl-aħħar seduta dwar il-każ, f’Ġunju, il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ psikjatri appuntati mill-Qorti dwar is-saħħa mentali ta’ Aquilina.
L-esperti tal-Qorti kienu qalu wkoll kif l-akkużat ma jinsabx f’sikktu sabiex jgħaddi ġuri.
Madankollu issa se jkun l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li jiddeċiedi dwar dan hekk kif jista’ jagħżel li jmur għal ġurin fejn hemm jiġi deċiż jekk l-imputat kienx fi stat ta’ ġenn. L-alternattiva hija li l-proċeduri jgħaddu għal ġuri fejn l-istat mentali ta’ Abner Aquilina jittieħed inkonjizzjoni bħala parti mill-proċeduri kollha.
10:32
Hekk kif Abner Aquilina ma jinsabx fl-awla hekk kif intqal li ma huwiex fi stat ta’ saħħa tajba, minnufih nqala argument bejn il-partijiet differenti. Fil-fatt, l-Ispettur Wayne Aquilna sostna kif huwa rċieva żewġ emails dwar dan l-Ħamis wara nofsinhar. Madankollu kien hawn li l-Avukat tad-Difiża Mario Mifsud li sostna li m’għandhomx jingħataw dettalji dwar il-kundizzjonijiet mediċi tal-imputat bil-miftuħ fil-Qorti. Wara argumentazzjoni dwar l-ammissibiltà tal-emails li rċieva l-Ispettur Aquilina dwar il-kundizzjoni tal-imputat, il-Qorti ordnat sabiex psikjatra jattendi għas-seduta tal-lum sabiex jiġi kkonfermat x’intqal fl-emails inkwistjoni.
10.38
Il-familja ta’ Paulina Dembska jinsabu fl-awla sabiex isegwu l-proċeduri. L-Ispettur Wayne Camilleri tela’ fuq il-pedana tax-xhieda sabiex jibda’ jixhed.
10:42
Huwa xehed kif fit-2 ta’ Jannar, il-control room tal-Pulizija rċeviet telefonata dwar ġisem li deher bla ħajja u mingħajr ħwejjeġ fl-entratura ta’ Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema. Fil-fatt, wara li uffiċjali tal-Pulizija marru fuq il-post instab il-ġisem tal-vittma wiċċha ‘l fuq u mingħajr ħwejjeġ b’wiċċha jidher imbenġel. Maġenba kien ukoll par żarbun u qalziet flimkien ma’ ħwejjeġ ta’ taħt f’kobba waħda bħal li kieku ġew mneżżgħin f’daqqa. Intqal ukoll kif kien hemm xagħar bl-istess kulur ta’ xagħar il-vittma mweħħel mar-railing. Kien hemm ukoll titjir ta’ demm fiż-żona. F’dan l-istadju l-identità tal-vittma ma kienetx għadha magħrufa madankollu mill-jeans maġebha ttieħdu dokumenti fosthom karta tal-identità pollakka u karta tal-kreditu li taw l-ewwel indikazzjonijiet lill-uffiċċjali li l-vittma kienet Dembska.
10:49
L-ispettur għadda wkoll xi dokumenti lill-Qorti fosthom key card ta’ fejn kienet toqgħod Dembska.
10:53
Intqal ukoll kif fuq ix-xena tar-reat wara ftit ħin wasal ukoll l-Ispettur Jonathan Ransley li qal lill-Ispettur Camilleri li għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu ta’ dakinhar stess ġie arrestat Abner Aquilina wara telefonata fl-għassa ta’ San Ġiljan fejn ngħatat informazzjoni dwar kommossjoni fil-Knisja tal-Balluta. Intqal kif Aquilina mar ġo Knisja sabiex ikellem qassis. Camilleri sostna wkoll kif l-imputat dakinhar kellu qatgħat f’idu u b’hekk kellu bżonn jiġi kkurat fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. Hemmhekk ġew ukoll ommu u missieru b’Aquilina malli jarahom ikeċċihom għaliex “inkella jkun hawn żewġ vittmi oħra.” Kien hawn li l-ispettur Camilleri spjega kif Aquilina beda jitkellem mal-Pulizija.
10:59
Aquilina spjega kif ix-xitan qallu biex jagħmel xi ħaġa madankollu minn dan huwa biss wettaq terz tal-pjan li kellu. Spjega wkoll li meta kien fil-Knisja daħlet mara u beda jsegwiha sal-parkeġġ tal-karozzi. Mal-Pulizija. Abner Aquilina allegatament sostna hekk. “Li ġara, ġara. Qtilt persuna u stuprajtha. Ma ridtx inweġġagħha daqsekk. Għall-ewwel pruvajt noqtol żewġt irġiel imma umbagħad dehrli li aħjar noqtol persuna waħda.”
11:00
Meta mistoqsi dwar kif qatel lill-mara, Aquilina għamel sinjali ta’ daqqiet ta’ ponn u daqqiet ta’ sieq. Hawn mal-Pulizija rrefera għall-film Clockwork Orange hekk kif qal li dan kien l-istorja ta’ ħajtu. L-Ispettur Camilleri żied jgħid li dan kollu ġie rrekordjat fuq il-bodycams tal-Pulizija. Intqal ukoll kif l-imputat kellu titjir tad-demm mal-kalzetti.
11:04
L-Ispettur spjega wkoll kif lill-Imputat inqarawlu d-drittijiet tiegħu u qalulu li mhux biss qed ikun akkużat bl-inċident li ġara fil-Knisja tal-Balluta iżda wkoll bi qtil.
11:06
“Illum għamilt xi ħaġa ħażina,” kompla jgħid Aquilina lill-Pulizija hekk kif tenna li telaq mill-parkeġġ bħala persuna differenti. “Ma waqaftx bl-għajnuna ta’ Alla iżda għax ridt jien.” Intqal kif hawn għal darb’oħra lill-imputat reġgħu nqrawlu d-drittijiet tiegħu u ġie offrut għajnuna legali. Kien hawn li l-imputat staqsa għall-Avukat Mario Mifsud.
11:07
Fil-Qorti kompla jingħad x’qal Aquilina. Tenna li “Qaluli nitlaqha biex noqtol iktar nies. Id-dinja kienet tispiċċa. Qalli biex nitfa’ l-isperma ġewwa. Jien ma ridtx intiha l-isperma tiegħi għax meta tagħti l-isperma tkun qed tagħti ruħek,” kompla Aquilina.
11:08
Camilleri spjega wkoll kif Aquilina qal lill-Pulizija li kien uża mutur biex wasal fuq il-post. Kien hemm li l-Pulizija bdiet tfittex mutur u sabitu fil-livell -1 fil-Marriot Hotel bi traċċi ta’ demm mal-handles tal-mutur.
11:10
Intant intqal ukoll kif il-Pulizija marret id-dar ta’ Aquilina fejn hemm tkellmu ma’ ommu. Hija spjegat kif binha kien juża’ d-droga u jilgħab il-flus. Dan filwaqt li għal dawk l-aħħar 3 ijiem kien qed jgħix f’dar fil-qrib ma’ membru tal-grupp River of Love.
11:15
Xhieda oħra spjegat mal-Pulizija li rat lill-imputat jidħol fi Ġnien l-Indipendenza għall-5am. Hemmhekk kien mingħalih li qed jagħmel push-ups madankollu nduna li taħtu kien hemm par saqajn ta’ mara. Dan ix-xhud partikolari, li dak il-ħin kien bil-headphones f’widnejh, sostna li ħaseb li l-imputat u l-vittma kienu għaddejjin b’attività sesswali fil-pubbliku. Sostna li din hija xi ħaġa normali fiż-żona f’dak il-ħin tal-ġurnata.
11:16
L-Ispettur Camilleri ta dettalji wkoll dwar dak li żvelat l-awtopsja fuq il-katavru tal-mara. Tenna li hija mietet mgħallqa. Spjega wkoll li kellu wkoll kustilji miksura u li dan kollu qabel mad-deskrizzjoni ta’ Aquilina dwar il-kawża tal-mewt. L-awtopsja żvelat ukoll li l-vittma kellha ġrieħi ġewwa l-parti privata tagħha bħal li kieku ġiet ippenetrata b’xi ħaġa ppuntata.
11:18
L-Ispettur Camilleri tkellem ukoll dwar l-aħħar movimenti ta’ Dembska grazzi għal filmati minn kameras tas-sigurtà fil-viċinanzi. Spjega kif il-vittma telqet mill-hotel tagħha fis-2am u li magħha kien hemm ħabib tagħha. Huwa ħallew lil xulxin wara ftit ħin u minn CCTV minn ħanut tal-merċa fil-viċin għall-ħabta ta’ 4:38am, Dembska dehret ftit metri l-bogħod mix-xena tar-reat.
11:20
Intant b’mod separat Abner Aquilina ġie intraċċat ħiereg mill-parking tal-Marriot Hotel u hemm f’ħin minnhom deher jiġri wara żewġt irġiel, b’dawn tal-aħħar jaħarbu minnu. Ftit wara, mis-CCTV tal-istess ħanut li fih dehret Dembska ftit metri l-bogħod mix-xena tar-reat, deher ukoll Abner Aquilina eżatt wara li dehret Dembska.
11:22
Dwar l-interrogazzjoni ta’ Aquilina, l-Ispettur Camilleri sostna li Abner Aquilna spjega kif huwa kien jiġi riġettat minn nisa u kif kien aktar faċli għalih li jkollu attivitajiet sesswali mal-irġiel. Għalhekk iddeksriva lilu nnifsu bħala bisesswali. Spjega wkoll kif huwa kien abbużat sesswalment meta kien żagħżugħ u dak li abbużah jinsab il-ħabs.
11:25
Camilleri spjega wkoll kif waqt l-interrogazzjoni Aquilina sostna li kien hemm il-frekwenzi qed jikkontrollawlu moħħu u għalhekk ma jiftakar xejn. Huwa ġie muri wkoll ritratti tal-katavru ta’ Dembska madankollu ma kellu l-ebda reazzjoni.
11:29
Minn naħa tiegħu, l-Avukat għall-familja tal-vittma Stefano Filletti staqsa dwar l-istat ta’ saħħa tal-imputat waqt l-interrogazzjonijiet. Meta mistoqsi dwar dan, l-Ispettur Camilleri tenna li huwa kien fi stat ta’ saħħa tajba. Hawn l-Ispettur Camilleri spjega wkoll li fil-bidu tal-interrogazzjoni Abner waqa malart madankollu meta ġie avżat li dan il-logħob mhux ħa jaħdem, huwa waqaf. Camilleri tenna wkoll li Psikjatra fl-inkjesta maġisterjali ċċertifika lill-imputat li kien fi stat ta’ saħħa tajba.
11:31
L-Avukat Filletti staqsa wkoll jekk l-imputat ġiex mistoqsi jekk jiddispjaċihx. L-Ispettur Camilleri spjega li Abner Aquilina għamilha ċara li jaf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin madankollu ma qalx jekk huwa jiddispjaċihx ta’ li għamel.
11:35
Hawn kien imiss lill-Avukat tad-Difiża Mario Mifsud sabiex jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu. Huwa staqsa jekk Aquilina kienx aggressiv fiċ-Ċentru tas-Saħħa. Camilleri wieġeb li l-imputat deher aġitat. Hawn ġie mistoqsi wkoll għaliex inxtegħlu l-Body Cams fuq l-uffiċjali. Camilleri wieġeb li din hija proċedura tal-Korp tal-Pulizija meta persuna tkun qed tiġi eskortata madankollu spjega li Aquilina kien ġie avżat dwar dan tant li f’mumenti minnhom deher iħares lejn l-istess Body Cams u saħansitra tkellem ukoll fihom.
11:36
Mifsud staqsa wkoll, meta l-imputat ġie mgħarraf bid-drittijiet tiegħu. Camilleri spjega li dawn inqrawlu wara hekk kif l-uffiċjali tal-Pulizija ma kellhomx idea li aktar tard se jgħid li qatilha. Spjega wkoll kif l-imputat kien aġitat ħafna. Hawn Mifsud staqsa kif għalhekk ma ssejħitx Psikjatra. “Għaliex qatt ma immaġinajna li se jgħid li qatilha,” wieġeb l-Ispettur Camilleri.
11:50
Hekk kif kompla jiġi mistoqsi dwar kif inqrawlu d-drittijiet tiegħu, l-Ispettur Camilleri wieġeb li dawn jidhru jiġu moqrija lill-imputat anke fuq il-Body Cams tal-pulizija. L-Avukat staqsa wkoll dwar id-dikjarazzjoni li Abner Aquilina deher normali waqt l-interrogazzjonijiet li sarulu. “Taqbel li beda jitkellem dwar mewġ u raġġi l-ħin kollu?” staqsa Mifsud. Hawn l-Ispettur Camilleri kkonferma dan. Meta l-imputat ġie muri wkoll ritratti tal-vittma huwa qal li għalxejn dawn qed jiġu murija lilu għaliex ma jafiex.
11:55
Is-seduta aġġornat għal pawża qasira ta’ 5 minuti.
12:10
Tkompli s-seduta. Imiss jixhed l-Ispettur Shaun Pawney għall-Prosekuzzjoni. Huwa tenna kif kien l-ewwel persuna li rrappurta s-sejba ta’ ġisem Dembska. Spjega li kienet iċċertifikata mejta u li ġisimha kien mgħotti bil-ġakketta ta’ xi ħadd.
12:19
L-Ispettur Pawney spjega wkoll kif għall-ewwel Aquilina pprova jaħrab mill-Pulizija madankollu ma rnexxielux. Spjega li wara skuża ruħu u qal li kien imbeżża’. Huwa spjega wkoll li l-akkużat waqt l-interrogazzjonijiet beda jsemmi l-ispirti. B’kollox sarulu 6 interrogazzjonijiet.
12:28
Pawney sostna kif huwa pparteċipa f’żewġ interrogazzjonijiet. L-ispettur irrimarka wkoll li Aquilina beda jsemmi l-ispirti meta kien iħossu maqbud waqt li jsirulu l-mistoqsijiet. Qal kif huwa ftakar ħafna dettalji madankollu meta kien jiġi mistqosi dwar il-qtil, hemm jibda jsemmi l-ispirti u affarijiet oħrajn.
12:32
Wara li l-Avukat Mifsud irrimarka li l-Ispettur Pawney kien qed jaqra u mhux jagħti x-xhieda, il-Prosekuzzjoni argumentat li huwa kien qed jirreferi għan-noti tiegħu.
12:35
Ġie spjegat ukoll kif persuna tkellmet mal-Pulizija hekk kif spjegat li f’Novembru tal-2020 hija ġiet ffastidjata fuq il-pjattaforma ta’ Instagram mill-akkużat. Hija spjegat kif huwa bgħat ritratt tal-isperma tiegħu fuq tissue. Meta Aquilina ġie mistoqsi dwar dan mill-Pulizija, huwa nfaqa’ jidħal. Tifla oħra rrimarkat li kienet f’relazzjoni mal-akkużat u laqtet STD fl-2021. Abner Aquilina kien akkużaha li kienet torqod ma’ dak u mal-ieħor.
12:40
Intqal ukoll kif ma kien hemm l-ebda konnessjoni bejn Dembska u Aquilina u dan anke kien ikkonfermat meta l-akkużat kien sostna li huwa ma jafiex. Intant ġie spjegat ukoll kif Aquilina beda jikkwota minn ħafna films biex jimpressjona lil dawk li kienu qed jinterrogawh. Hawn reġa’ pie riferut il-film A Clockwork Orange li jikkonċerna l-karattru prinċipali bl-isem alex jintbgħat il-ħabs fuq qtil u stupru.
13:03
L-Avukat Filletti beda bil-mistoqsijiet tiegħu fil-konfront tal-Ispettur Pawney, hekk kif staqsa jekk seta jikkomunika ma’ Aquilina u jekk ir-risposti tiegħu kienu jagħmlu sens. Pawney wieġeb iva.
13:05
Pawney kompla jispjega li Aquilina ddisjpaċih aktar għall-fatt li nqabad. Tenna wkoll li l-filmati mill-Body Cams juru lil Aquilina jgħid li kien jaf għal xiex inhu dieħel.
13:06
Fix-xhieda tiegħu Pawney spjega wkoll li Aquilina ġie muri wkoll ritratti li kellha l-vittma fil-parti ġenitali tagħha. Spjega li l-qatgħat li kellha ma kienux normali hekk kif kienu kbar. Aquilina qal lill-Pulizija li hu qatilha u stupraha wara. Tenna li ma riedx joqtilha madankollu hija bdiet tirreżisti.
13:13
L-Avukat Mifsud staqsa wkoll għaliex il-Pulizija kienet staqsiet lil Aquilina għaliex qatgħa lil-vittma biċ-ċwievet meta kienu lanqas għadhom irċivew konferma mill-esperti. Dan anke hekk kif kien hemm demm fuq iċ-ċavetta wkoll. Minn naħa tiegħu l-Avukat Filletti irrimarka li mhux xi ħaġa rari li jinstabu traċċi tad-demm fuq oġġetti f’każijiet ta’ omiċidju u stupru.
13:15
L-Avukat Mifsud issuġġerixxa wkoll li l-interrogazzjoni ta’ Aquilina ma mxietx skond kif ddeskrivewha l-Ispetturi fix-xhieda tagħhom hekk kif kellha tieqaf diversi drabi. Il-Qorti madankollu qalet li se tkun qed tara fuq dan meta jiġu eżebiti traskrizzjonijiet tagħhom.
13:17
Il-Psikjatra Hector Cutajar mill-Isptar Monte Karmeli ttella’ sabiex jixhed fuq i-pedana tax-xhieda sabiex jitfa’ aktar dawl fuq ir-raġuni għaliex Abner Aquilina ma setax jattendi għas-seduta tal-lum. Cutajar spjega li huwa eżamina lill-imputat ilbieraħ u nnota li ma kienx fi stat ta’ saħħa tajba b’hekk ġie pproċessat rapport b’mod normali. Il-Qorti sostniet kif kien ikun aħjar li kieku r-rapport wasal qabel.
13:20
L-Avukat Mifsud saħaq mal-Psikjatra li l-infermiera li xerrdet email b’informazzjoni medika tal-klijent tiegħu għandha tiġi dixxiplinata. Il-Psikjatra qabel li t-tixrid tal-email inkwistjoni kien seħħ barra l-proċedura normali u li l-infermiera ġiet dixxiplanata. Hawn il-Qorti qalet ukoll sabiex il-Psikjatra jinforma lill-ħaddiema fl-isptar Mater Dei ukoll li informazzjoni kunfidenzjali medika ma tiġix iċċirkulata permess ta’ email.
13:23
Il-Maġistrat Farrugia iddikjarat li l-Qorti rat biżżejjed evidenza prima facie sabiex l-akkużat jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. Is-seduta ġiet aġġornata għat-2 ta’ Settembru li ġej fl-10 ta’ filgħodu.