Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia ddeċidiet li hemm biżżejjed evidenza biex Bojan Celik, ir-raġel Serb mixli bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Dan hekk kif tul il-Jum tat-Tlieta kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tas-Serb li skont xhieda mogħtija fil-Qorti kien diġà xellef difrejh mal-ġustizzja.
Fil-Qorti ngħad li l-akkużat kien jaħdem fl-istabbilimenti ta’ Hugo Chetcuti, iżda tkeċċa mill-impjieg tiegħu għal darba tnejn wara li marx għax-xogħol u minħabba l-karrattru tiegħu.
L-espert forensiku Dr Marisa Cassar xehdet kif id-DNA li nġabar minn fuq il-ħwejjeġ tal-vittma u tal-akkużat kien jaqbel.
Madankollu qalet li meta eżaminat is-sikkina li biha nqatel is-Sur Chetcuti, irriżulta li apparti d-demm tal-vittma u t-traċċi tal-akkużat, kien hemm ukoll traċċi ta’ DNA ta’ persuna li għad trid tiġi stabbilità l-identità tagħha.
L-uffiċjal Prosekutur l-Ispettur Nicolai Sant xehed li li kien għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ bil-lejl, tas-sitta ta’ Lulju li għadda li l-Pulizija ġiet mgħarrfa b’aggressjoni qrib it-taraġ ta’ Santa Rita.
Huwa kkonferma li meta waslu sabu li l-vittma kien ittieħed lejn l-isptar permezz ta’ vettura privata, wara li qala’ żewġ daqqiet ta’ sikkina mingħand l-aggressur.
Fil-fatt filmati tal-aggressjoni elevati minn tliet stabbilimenti differenti, ġew preżentati fil-qorti mill-espert Martin Bajada – qed jitqiesu bħala prova importanti fil-konfront tal-aggressur.
L-Ispettur Sant spjega li malli waslu fuq il-post, il-pulizija bdiet mill-ewwel bi tfittxija għall-aggressur li kkonferma li sabiex ġie arrestat kellu jintuża t-taser gun.
Qal ukoll li s-sikkina twila madwar sittax-il ċentimetru b’manku iswed instabet fuq l-aggressur, flimkien ma’ żewġt iċwievet.
Minn investigazzjonijiet ulterjuri nstab li Celik kien joqgħod ma’ ħuh f’Tal-Pieta – fejn minn hemmhekk il-pulizija ġabret mowbajl u anke l-passaport flimkien ma’ dokumenti oħra tal-akkużat.
Minn investigazzjonijiet tal-EUROPOL u l-INTERPOL nstab li f’ Marzu ta’ sentejn ilu l-akkużat bidel uffiċjalment kunjomu.
Xehed ukoll l-espert forensiku t-Tabib Mario Scerri li spjega kif fid-daqqa ewlenija, is-sikkina daħlet minn direzzjoni u ħarġet minn oħra.
Huwa qal kif wara l-ewwel operazzjoni Hugo Chetcuti deher li qaleb għall-aħjar tant li beda jitkellem, iżda ma damx wisq biex is-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba infezzjoni. Spjega li hawnhekk kellha ssir it-tieni operazzjoni, li minnha Chetcuti ma tantx irkupra tant li waqa’ f’koma u qalbu bdiet tħabbat bil-mod.
Dr. Scerri spega li hu invista lill-aggressur u fuqu sablu marki antiki li ntqal li kien għamilhom meta kien miżmum f’ħabs fis-Serbja. Minn testijiet li sarulu, irriżulta li fil-ħin tal-aggressjoni, is-Serb ma kienx taħt l-effett tad-droga.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda mistennija tkompli fl-għaxra ta’ Settembru.