Il-professuri li għamlu l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Hugo Chetcuti kkonfermaw li l-imprenditur rinomat miet wara li xterditlu infezzjoni fid-demm li kienet ikkawżata mid-daqqiet ta’ sikkina li taqbulu msarnu.
Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Bojan Cmelik, is-Serb ta’ 35 sena li jinsab mixli bl-omiċidju tas-Sur Chetcuti fl-għomor ta’ 51 sena.
Fix-xhieda tagħhom, il-Professuri ma setgħux jiddetterminaw kemm-il daqqa kellu l-vittma għall-fatt li ġie operat b’mod immedjat f’tentattiv li tiġi salvata ħajtu.
L-akkużat reġa’ tressaq il-qorti akkumpanjat minn bosta uffiċjali tal-faċilità korrettiva ta’ kordin u deher liebes ġakketta protettiva minn taħt il-ġlekk.
Huwa deher kalm u f’mument minnhom deher ukoll jiċċajta u jitlob ħelwa lill-avukati tiegħu.
Fl-awla, ix-xjentista forensika Marisa Cassar ippreżentat rapport li wera li d-DNA li nstab fuq il-ħwejjeġ tal-akkużat kienu jaqblu mad-DNA tiegħu.
Dan filwaqt li DNA meħuda mix-xafra li ntużat fil-qtil qablet ma’ tas-Sur Chetcuti. Fil-qorti ntqal kif ix-xafra kienet twila 16-il ċentimetru, u kellha manku iswed. Spjegat kif l-ikbar ammont ta’ demm tal-vittma instab fuq il-parti li hija l-eqreb tal-manku. Dr Cassar ma setgħetx tikkonferma jekk din kinitx indikattiva ta’ kemm is-sikkina kienet daħlet fil-fond fil-ġisem tal-vittma.
Il-każ se jkompli jinstema’ fis-26 ta’ Ottubru li ġej.