Nhar it-Tlieta fil-Qorti ser issir ir-rikors għall-ħelsien mill-arrest tat-tlett akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn mistenni jiġi diskuss fl-istess seduta.
Dan fuq talba tad-difiża ta’ Vince Muscat il-Koħħu u l-aħwa George u Alfred Degorgio magħrufa bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu. Dan ħareġ meta l-Ħamis filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tagħhom.
Mix-xhieda ta’ esperti tal-Qorti ħareġ kif mil-laptop elevat mid-dar ta’ Caruana Galizia – l-unika dokumenti u nformazzjoni fuq dan il-laptop imorru lura għas-sena elfejn u ħmistax u b’ hekk ma’ setgħetx tiġi elevata informazzjoni tal-aħħar sentejn.Rapport tal-informazzjoni elevata minn dan il-laptop flimkien ma’ memory card u żewġ kameras diġitali għaddew f’ idejn il-Qorti mill-espert nominat mill-inkjesta Alvin Cardona.
Intant l-avukati li qed jidhru parte civile għall-familja talbu biex f’ kull stadju tiġi protetta l-identita’ tas-sorsi li kellha l-Blogger Daphne Caruana Galizia.
Intant, espert ieħor tal-Qorti din id-darba Keith Cutajar preżenta wkoll il-filmati kollha tal-kameras tas-sigurta’ elevati minn bnadi differenti lill-Qorti.
Fost il-filmati preżentati lill-Qorti hemm dawk elevati minn dar fil-Bidnija, minn Burmarad Road, Valletta Cruise Port, Transport Malta mill-Portijiet fuq sitt kameras, 20 kamera mit-toroqu kif ukoll entitajiet oħra bħal Percius Car Hire – il-kamera li tagħti fuq il-kaxxa taċ-ċwievet, Mount St Joseph u Identity Malta b’ total ta’ bejn sittin u sebgħin kamera.
Il-Maġistrat Clare Stafrace Zammit li qed tisma’ l-kumpilazjzoni tax-xhieda ser tkun qed tagħmel aċċess ieħor fil-Bidnija nhar il-ġimgħa għoxrin ta’ April.
Fis-seduta xhedu wkoll l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li bejn l-erba’ ta’ Diċembru u t-tmienja ta’ Diċembru għamlu tfittxija ntensiva taħt il-baħar fl-inħawi tat-tinda tal-patata fil-Marsa – huma qalu kif b’ kollox minn taħt dan il-baħar ġew elevati mobile phones, batteriji u kif ukoll simcard holders – liema oġetti għaddew f’ idejn il-Pulizija mit-taqsima forensika.
Huma ddiskrivew ix-xena ta’ taħt il-baħar f’ dawk l-inħawi bħala waħda maħmuġa u mimlija ħama, tant li kienet diffiċli ferm għalihom sabiex jagħmlu dawn it-tfittxijiet.
Intant, fuq il-pedana tax-xhieda, l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Keith Arnaud resqet ukoll għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija li kienu nvoluti f’ għadd tal operazzjonijiet nhar l-erba ta’ Diċembru. B’ mod partikolari fit-tfittxija li saret fid-dar ta’ George Degorgio ċ-Ċiniz u Vince Muscat il-Koħħu.
Mix-xhieda ħareġ ukoll kif fit-tfittxijiet li saru dejjem kien hemm il-preżenza ta’ uffiċjali tal-Europol jassitu lill-Pulizija Maltija.
Hawn l-ispettur Keith Arnaud qal kif kellhom jixhdu iżjed xhieda madankollu r-rapporti tagħhom għadhom mhux konklużi. Il-maġistrat ikkonfermat ukoll kif fis-seduti li ġejjin mistennija jibdew jixhdu l-esperti barranin.
Il-każ mistenni jitkompla nhar it-Tlieta li ġej meta d-difiża ser titlob formalment għal-ħelsien mill-arrest tat-tlett akkużati, filwaqt lill-Ġimgħa jsir l-aċċess fuq il-post u nhar is-sitta u għoxrin ta’ April tkompli tinstema l-kumpilazzjoni tax-xhieda.