Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni kontra Keith Schembri, missieru Alfio flimkien ma’ Malcolm Scerri u Robert Zammit.
Hawn xehed il-Financial Controller tal-Grupp Allied fejn tkellem dwar l-għotjiet li ngħataw lil Allied Newspapers b’rabta ma’ xiri ta’ magni għall-istampar.
Xehed ukoll Mario Vella, li kien Chairman tal-Malta Enterprise li qal li l-kumpanija ħadet sussidju għax-xiri tal-magni tal-istampar iżda stqarr li l-Malta Enterprise ma kinitx taf minn fejn il-kumpanija xtrat il-magni.
Fl-awla Vella stqarr li l-Malta Enterprise għandha inġiniera biex jivverfikaw jekk il-makkinarju nxtrax jew le u sostna li kienu jintalbu invoices u irċevuti għall-pagamenti tal-għotjiet li kienu jingħataw.
Meta mistoqsi, Vella stqarr li kien iltaqa’ darba ma’ Adrian Hillman u ġie spjegat il-proċess tal-għotjiet mill-aġenzija.
Waqt il-kontroeżami, Vella spjega li ġew approvati wieħed punt sitt miljuni f’għotjiet lil Progress Press.
Hu stqarr l-unika għotja approvata kienet dik ta’ wieħed punt sitt miljuni iżda l-proġett kien ġej jiswa’ ħamsa punt sitt miljuni.