Id-difiża kompliet issostni li l-aggressjoni fil-Ħamrun kien kollu tort tal-ksuħat taż-żewġ Pulizija.
Dan intqal hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ ħames Maltin, li allegatament aggredew żewġ kuntistabbli tal-Pulizija fi Triq il-Kbira fil-Ħamrun, fil-21 ta’ Settembru li għadda.
Fuq il-pedana tax-xhieda telgħa jkompli jixhed il-Kuntistabbli Aiden Demicoli, fejn ikkonferma li kien Kurt Borg li l-ewwel resaq lejhom b’attitudni ħażina. Kompla jgħid li l-akkużat kellimhom bl-għajjat meta kkonferma li l-karozza kienet tiegħu.
Id-difiża staqsiet lil Demicoli għala Redimen Aquilina safa’ sparat u milqut mit-taser gun, iżda l-kuntistabbli sostna li spara lejn Kurt Borg għax skontu hu deher l-aktar wieħed aggressiv lejn l-kuntistabbli Mallia. Kompla jgħid li minkejja li t-taser gun ġie sparat, dan ma ħaxx.
Ġie kkonfermat wkoll li ma ngħatat l-ebda twissija lil Borg li kien se jispara t-taser gun.
Spjega wkoll li l-pepper spray użah wara li qala’ diversi daqqiet mill-aħwa Borg u anke ra numru ta’ nies ġejjin għalih.
Mistoqsi dwar il-bodycam, il-kuntistabli Demicoli qal li waqatlu darbtejn.
Id-difiża nfurmat lill-Qorti li din il-bodycam aktarx fiha filmati li jagħtu aktar informazzjoni dwar min instiga l-aggressjoni u għalhekk talbet lill-awtoritajiet sabiex din tinstab.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-investigazzjoni għadha għaddejja u minħabba li dan il-każ qed jitqies bħala gravi.