“Il-gvern huwa impenjat li jwettaq tkabbir ekonomiku robust mingħajr ma jipperikola l-futur tal-ambjent Malti għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada.”
Din kienet it-tema ewlenija waqt seminar li sar f’Għawdex organizzat mill-MIMCOL u li ddiskuta l-pilastru tal-ambjent fil-Viżjoni Ekonomika tal-Gvern għall-għaxar snin li ġejjin, imħabbra x-xahar li għadda mill-Prim Ministru Robert Abela.
Għal dan is-seminar attendew il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schmebri, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Fl-isfond tad-diskussjoni li saret, il-Ministru Schembri tenna li t-tkabbir ekonomiku u l-ħarsien tal-ambjent huma meqjusa bħala forzi kumplimentari, aktar milli forzi opposti.
Tenna wkoll l-importanza ta’ din il-konsultazzjoni.
“Bħala Ministru tal-Ekonomija qed immexxi dan l-eżerċizzju b’diskussjoni fosthom ma’ diversi Ministri llum bdejna niddiskutu wkoll pilastru importanti ħafna dak tal-ambjent sabiex eventwalment niġbru l-aqwa ideat li għandna fil-pajjiż u npoġġuhom f’dokument mhux biss ta’ viżjoni iżda ta’ implimentazzjoni wkoll.”
Intant il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li m’hemmx dmir aktar nobbli minn dak li nissalvagwardjaw il-futur, is-saħħa u l-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri.
“Tkellimt dwar il-proġetti, l-iskemi imma wkoll id-direzzjoni li ħadna fix-xhur li għaddew dwar l-ambjent jekk huwiex il-qasam tal-ippjanar, huwiex l-urban greening, jekk huwiex il-waste managment tal-pajjiż, l-ekonomija ċirkulari u single use plastics u oħrajn imma issa wkoll il-ħarsa lejn il-futur.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, dwar il-gżira tat-tliet għoljiet qal li lura fl-2012 konna f’sitwazzjoni fejn Għawdex kien qed jaqa’ lura fl-iżvilupp ekonomiku meta mqabbel ma’ Malta. B’hekk f’dawn is-snin il-Gvern irrealizza li l-uniku mod kif Għawdex seta’ jimxi ’l quddiem kien permezz tat-titjib fil-konnettività.
Tkellem ukoll dwar il-qasam ambjentali f’Għawdex.
“Dan huwa messaġġ importanti, messaġġ importanti għaliex Għawdex għadu jgawdi minn ambjent mill-isbaħ, ambjent rurali u għal daqstant kull implimentazzjoni li beħsiebu jagħmel dan il-Gvern fis-snin li ġejjin mhux biss huwa importanti li Għawdex ikun parti minn dan il-proġett iżda aktar minn hekk ngħid jiena Għawdex għandu jingħata prijorità.”