Saru żewġ sessjonijiet ta’ diskussjoni bħala parti mill-Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għar-Riforma fis-Sistema tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet sal-2035.
Sessjoni kienet iddedikata għan-nutura u oħra kienet indirizzata lill-periti.
Għaż-żewġ sessjonijiet kien hemm parteċipazzjoni tajba, fejn ħafna nutara u periti ressqu diversi suġġerimenti u proposti dwar din ir-riforma.
Preżenti għal dawn il-laqgħat kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi.
Huwa qal, li dawn il-laqgħat mal-professjonisti fis-settur huma importanti biex flimkien nasslu biex pajjiżna jkollu sistema aġġornata li tindirizza l-bżonnijiet meħtieġa, sabiex jingħata l-aqwa servizz lill-klijenti fil-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-proprjetà.
Matul dawn is-sessjonijiet ġew diskussi diversi aspetti relatati mar-reġistrazzjoni tal-artijiet u kif din r-riforma tista’ tiġi mtejba biex tkun aktar effiċjenti u trasparenti.
Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għar-Riforma fis-Sistema tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet se tkompli sal-aħħar ta’ Frar 2025 u wieħed jista’ jaqsam l-ideat tiegħu fuq is-sit publicconsultation.gov.mt.