Tul ir-raba’ ġimgħa tal-kampanja elettorali lejn is-sitta u għoxrin ta’ Marzu li ġej, kompla l-messaġġ pożittiv tal-Partit Laburista, dak ta’ Malta Flimkien.
Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa bdew jitqassmu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa u anki dawk stimolu. Dan permezz ta’ investiment fin-nies ta’ sebgħin miljun ewro waqt mumenti ta’ sfida mill-pandemija.
It-Tlieta filgħodu, il-Prim Ministru inawgura t-tieni fażi tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, fejn dan se jwassal biex il-pajjiż ikollu post ta’ sittin grawnd tal-futbol ta’ spazju pubbliku.
Tul din il-ġimgħa kien hemm żewġ dibattiti bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, organizzati mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji.
F’dawn id-dibattiti, il-Prim Ministru kien konvinċenti, fejn ħarġet ċara d-differenza bejn il-viżjoni tal-elf proposta tal-Partit Laburista lejn futur sabiħ flimkien u n-negattività u l-attakki kontinwi tal-Partit Nazzjonalista, li jwiegħed kollox bla pjan u baqa’ bla costings anki meta bdew jivvutaw in-nies.
Fid-dibattitu tal-Erbgħa, dak organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru rrimarka kif il-Gvern kien ta’ spalla għan-negozji waqt pandemija.
“Dakinhar, meta inti bdejt tgħidilna “iġri noħorġu mill-pandemija ħalli nmorru għall-elezzjoni, aħna konna għal darba darbtejn qiegħdin inqassmu l-vouchers. F’Ġunju tal-2020 inraħsu l-fjuwil, dak li għamilna aħna. Tajna inċentivi fuq il-kirjiet tan-negozji, ħallasna parti mill-kont tad-dawl tan-negozji u tgħidli stajna m’għamilniex dak kollu u konna nibqgħu b’surplus, mela ma stajniex. Imma llum taf x’kien ifisser kieku? Kieku llum din il-laqgħa ma saritx.”
il-Prim Ministru Robert Abela
F’dan id-dibattitu, Dr Abela qal kif Gvern Laburista ġdid se joħloq ħamsin elf impjieg ġdid u ntqal kif l-iskema tal-COVID Wage Supplement ġiet estiża sa April.
Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru ħabbar kif Gvern Laburista ġdid se jkun qed jagħti l-għajnuna lill-każini tal-baned.
Matul din il-ġimgħa kompla l-kuntatt man-nies, hekk kif il-Prim Ministru żar in-nies fis-Suq ta’ Birżebbuġa u anki ltaqa’ mal-ħaddiema fiż-Żona Industrijali ta’ Bulebel.
Dr Abela kellu laqgħat maż-żgħażagħ fl-MCAST u waqt l-attività ta’ Żgħażagħ Laburisti f’Bormla.
Il-Prim Ministru kellu laqgħat sbieħ fir-rallies ġewwa ż-Żejtun u Ħal Qormi.
Is-Sibt f’festa pubblika, il-Prim Ministru flimkien ma’ martu żaru r-Rabat għal festa ta’ San Ġużepp.
Filwaqt li l-Ġimgħa filgħaxija fil-Fgura, il-Prim Ministru għadda messaġġ importanti.
“Staqsu lilkom infuskom jekk minkejja li kienu żminijiet bla preċedent ħloqniex il-bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien? U staqsu wkoll jekk konniex ta’ appoġġ biżżejjed għan-negozji biex salvajna l-ekonomija? U jekk ir-risposta għal dan kollu hija iva, allura l-appell hu biex tgħinnuna nibnu fuq dak li għamilna. Għax jekk fid-diffikultà ħadna d-deċiżjoni t-tajba, immaġinaw x’nistgħu nagħmlu jekk tafdawna b’mandat ġdid.”
il-Prim Ministru Robert Abela