Il-Ministeru għas-Saħħa kompla bil-kampanja tiegħu fil-komunità biex iwassal informazzjoni diretta dwar kif kull individwu jista’ jikkontribwixxi għalih innifsu lejn ħajja itwal u sana. Din il-kampanja qegħda ssir b’kordinazzjoni mal-kunsilli lokali u llum saret għall-komunità tal-Marsa.
Meta indirizza lil dawk preżenti, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fost l-aktar kundizzjonijiet li ntbagħtu bihom bħala poplu hemm id-dijabete, il-pressjoni u dawk konnessi mal-qalb. “Il-konsegwenzi ta’ dan it-tip ta’ mard huma koroh ħafna u nistgħu nevitaw ħafna minnu jekk nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Jekk nevitaw dak li jikkontribwixxi għalih, bħalma huwa t-tipjip, zokkor żejjed f’dak li nieklu u nixorbu u piż żejjed. Attenzjoni għal dawn il-fatturi flimkien ma’ ftit eżerċizzji fiżiċi nkunu qegħdin nagħmlu ħafna ġid lilna nfusna”, sostna d-Deputat Prim Ministru.
Tul dawn is-sessjonijiet ta’ informazzjoni fil-komunità tittieħed l-okkażjoni biex dawk preżenti, jekk ikunu jridu, jitteħdilhom test tad-demm għaz-zokkor kif ukoll għall-pressjoni.
Is-sessjonijiet ta’ informazzjoni fid-diversi forom tagħhom jingħataw minn ħaddiema tad-Dipartiment tal-Kura Primarja u d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa li għalihom kellu kliem ta’ tifħir u ringrazzjament id-Deputat Prim Ministru.