L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar stqarr li l-korp tal-pulizija laħaq l-objettivi tiegħu fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hekk kif sab ir-recordings u ssolva l-każ. Dan qalu f’awla għoxrin tal-qorti waqt ix-xhieda tiegħu fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Quddiem il-bord tal-inkjesta pubblika huwa spjega li huwa għamel minn kollox biex jinstabu r-recordings hekk kif il-pulizija saru jafu bihom. Spjega li meta ġew biex jagħmlu raid biex isibu r-recordings huwa kien għażel li jimxu fuq dak li sejjaħ ‘Plan B’. Huwa spjega kif ‘Plan B’ kien jikkonsisti f’raid taħt il-kappa tal-akkużi tal-ħasil tal-flus biex imbagħad jekk ma jinstabux ir-recordings, il-pulizija xorta kienet tressaq l-akkużat bl-akkużi tal-ħasil tal-flus.
Huwa stqarr li tul il-karriera tiegħu fil-korp u anke tul it-terminu tiegħu bħala kummissarju huwa qatt ma ipproteġa lil ħadd u stqarr li sa mill-bidu kien jgħid li l-investigazzjonijiet kienu għaddejjin. Huwa xejjen għal kollox l-allegazzjonijiet li huwa irċieva xi flus b’konnessjoni mal-proklama li ingħatat lil Melvin Theuma.
Meta kien mistoqsi dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar ir-rapporti tal-FIAU, Cutajar spjega li huwa kellu fiduċja sħiħa fl-investigaturi tiegħu. Spjega kif wara li wasal l-ewwel rapport tal-FIAU dwar allegat ħasil ta’ flus huwa kien irrikorra għand l-avukat ġenerali għall-parir.
L-eks kummissarju Lawrence Cutaja spjega wkoll kif Daphne Caruana Galizia waqqfet tingħata l-protezzjoni mar-residenza tagħha mis-sena 2010, ħlief għal xi jiem fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 u l-2017. Stqarr li dwar din il-protezzjoni huwa qatt ma ta struzzjonijiet ġodda. Meta mistoqsi dwar jekk jaqbilx li għandu jkun hemm sistema ta’ protezzjoni għal kull ġurnalist li jkun qed jinvestiga affarijiet ta’ ċertu portata huwa qabel ma’ dan.