- Interċettati 23,270 sigarett u 67 litru inbid tal-kuntrabandu;
- Fost il-postijiet fejn inqabdu jinbiegħu minnhom is-sigaretti, kien hemm restorant, ħanut tal-ħaxix, ħanut tal-merċa, garage u karozza privata;
- Spezzjonar fuq id-diesel
Il-kampanja mid-Dipartiment tad-Dwana kontra l-importazzjoni, il-bejgħ u l-konsum ta’ prodotti tal-kuntrabandu, b’mod partikolari sigaretti, kompliet tintensifika matul il-gimgha li għaddiet.
Matul din il-ġimgħa ġew miżmuma 23,270 sigarett tal-kuntrabandu, li minnhom 15,810 sigarett gew interċettati fl-ajruport qabel iddahhlu fil-pajjiż filwaqt li 7,460 ġew elevate mis-suq. Dawk bil-kuntrabandu li nqabdu fis-suq kienu tal-marka Business Royals, Capital, Burton, Richman, Tradition, u L&M. Dawn il-marki mhumiex permessi jinbiegħu f’Malta. Ġew elevati wkoll mis-suq 67 litru inbid li ma kienitx tħallset taxxa tas-Sisa fuqu.
Il-kampanja ħadet lill-Ufficjali tad-Dwana f’dawn il-lokalitajiet:
Attard, Birkirkara,Birżebbuġa, Bugibba,il-Belt Valletta, Valletta Open Market, Birgu Open Market, il-Ħamrun, il-Qawra, Mġarr, Senglea, Paola, Tarxien u Żabbar.
F’Birkirkara ġew elevati sigaretti tal-kuntrabandu minn ħanut tal-ħaxix, garage u karozza privata. Il-ħanut tal-ħaxix, apparti li kien qiegħed ibiegħ prodotti tal-kuntrabandu, m’huwiex licenzjat biex ibiegħ prodotti tat-tabakk u għaldaqstant l-awtoritajiet inkarigati mill-liċenzjar ġew infurmati. Il-karozza li fiha nstabu s-sigaretti ttieħdet mid-Dwana u inzammet biex tinħareġ Nota ta’ Qbid.
Numru ta’ sigaretti oħra ġew elevati minn restorant f’Buġibba filwaqt li oħrajn ġew elevati minn ħanut tal-merċa fil-Ħamrun.
Il-marki Capital u Burton, li ritratti tagħhom qiegħdin jiġu riprodotti hawn taħt, huma marki pjuttost ġodda fis-suq tal-kuntrabandu.
Sadanittant, l-offensiva tad-Dwana kontra kull tip ta’ kuntrabandu ssuktat ukoll meta Uffiċjali mit-Taqsima tal-Infurzar spezzjonaw fuel fuq opri tal-baħar. Saru wkoll numru ta’ spezzjonijiet f’impjanti tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni li huma fost l-akbar konsumaturi tad-diesel.
L-operazzjoni fuq il-baħar kienet intensifikata l-aktar fil-bajja tal-Blue Lagoon, f’Kemmuna, fejn saru tminn spezzjonijiet b’assistenza tal-Pulizija tal-ALE. Saru wkoll erba’ spezzjonijiet fuq opri tal-baħar fil-port tal-Imġarr, Għawdex, u spezzjoni fuq pompa tal-petrol li tforni d-dgħajjes fl-istess port. F’din l-operazzjoni ttieħdu numru ta’ kampjuni biex setgħu jiġu analizzati.
Id-Dipartiment tad-Dwana għal darba oħra jtenni li l-kuntrabandu huwa reat kriminali serju ħafna li, f’każ ta’ ħtija quddiem il-Qorti, iġorr miegħu penali fiskali ħorox, konfiska tal-mezz tal-ġarr, konfiska tal-mezz tal-ħażna u, saħansitra, anki kkunsidrata piena karċerarja. Ikompli jappella għall-għajnuna tal-pubbliku billi jċempel b’mod anonimu fuq 2568 5124 jew 2568 5200.