“Fil-jiem li ġejjin se nkunu qegħdin inniedu xogħlijiet maġġuri ta’ tiswija fuq 17-il triq f’Buġibba u fil-Qawra,” ħabbar il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg.
Aktar kmieni din is-sena, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali nieda l-bini mill-ġdid ta’ 31 triq f’lokalitajiet differenti bħala parti mill-investiment nazzjonali ta’ €700 miljun fuq seba’ snin fit-toroq. Ix-xogħol favur l-implimentazzjoni ta’ dan l-impenn jinsab għaddej bit-titjib ta’ lista estensiva ta’ toroq madwar il-pajjiż, toroq li tħallew mitluqa għal għexieren ta’ snin u li issa qegħdin jaraw titjib minn Infrastructure Malta.
Għaxra mill-ewwel 290 triq li qed jinbnew mill-ġdid fl-2019 bħala parti minn dan l-investiment infrastrutturali bla preċedent jinsabu f’San Pawl il-Baħar. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq tlieta minnhom, li jinkludu Triq it-Turisti li hija twila 1.5 kilometri, Triq il-Luzzu u Triq Għawdex, filwaqt li l-bini mill-ġdid ta’ Triq San Pawl, waħda mit-toroq prinċipali ta’ din il-lokalità, se jibda dalwaqt. Il-Ministru Ian Borg innota li hekk kif jesperjenzaw ir-residenti li jgħixu f’San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, l-istat ta’ ħafna mit-toroq f’dawn iż-żoni turistiċi popolari għandhom ħsarat estensivi fuq il-wiċċ tat-triq.
“Għal ħafna snin, dawn it-toroq tħallew mingħajr manutenzjoni adekwata u minħabba din is-sitwazzjoni, iddeċidejna biex nagħtu bidu wkoll għal xogħlijiet maġġuri biex insewwu 17-il triq oħra f’din il-lokalità. L-istat preżenti ta’ dawn it-toroq qiegħed joħloq riskju għal kull min jużahom filwaqt li jikkawża aktar ħsara lill-istruttura u n-networks ta’ taħt il-wiċċ tat-triq. Il-gvern jemmen li kull resident jistħoqqlu infrastruttura tal-ogħla kwalità u din żgur li mhijiex is-sitwazzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Għalhekk, qegħdin nimxu ’l quddiem u fil-ġranet li ġejjin, Infrastructure Malta se ssewwi l-wiċċ ta’ dawn is-17-il triq sakemm jiġu skedati għall-bini mill-ġdid bħala ġarti mill-upgrade nazzjonali tat-toroq li qiegħed isir mill-aġenzija fuq seba’ snin b’€700 miljun,” ħabbar il-Ministru Borg.
Bosta kuntratturi tat-toroq ta’ Infrastructure Malta se jibdew isewwu l-uċuħ ta’ dawn it-toroq nhar it-Tnejn filgħodu (il-15 ta’ April). Ix-xogħlijiet se jkomplu sa kmieni l-ġimgħa ta’ wara, minbarra l-Ġimgħa l-Kbira u s-Sibt u l-Ħadd tal-Għid. It-toroq jinkludu Triq Isourd, Triq Toni Bajada, Triq Ċensu Tanti, Triq iċ-Ċagħaq, Triq l-Ibħra, Triq il-Ġifen, Triq Sant’ Antnin, Triq il-Ħalel, Triq iċ-Ċern, Triq is-Sajjieda, Triq J. Quintinus, Triq Annetto Caruana, Triq il-Port Ruman, Triq il-Maskli, Triq l-Imħar, Dawret il-Gżejjer u Triq ir-Ramel.