B’investiment ta’ għaxar miljun ewro, qed isir restawr u bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ ta’ aktar minn ħamsa u għoxrin kilometru, u xogħlijiet oħra f’diversi widien f’ħames siti differenti f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, stqarr li proġett bħal dan jippreserva l-pajsaġġ Għawdxi filwaqt li jkun provdut ambjent aħjar lill-bdiewa.
Il-Ministru għal Għawdex saħaq li dan l-investiment se jibdel lil din il-gżira f’waħda ekoloġika.
Huwa qal, “L-iskop ewlieni tiegħu huwa li nipproteġu l-ħamrija milli tintilef, insaħħu wkoll l-aċċess u anke l-viswal ta’ dawn l-istess għelieqi għall-benefiċċju tal-bdiewa tagħna per apparti minn hekk dan kollu se jwassal għall-kampanja rurali li tkun iżjed attraenti b’ħitan mibnija skont is-sengħa ta’ dawk kollha li jżuru Għawdex.”
It-tieni proġett li għaddej f’Għawdex qed isir b’investiment ta’ aktar minn sitta u sebgħin elf ewro, li bih, it-Teatru Astra tas-Soċjetà Filarmonika La Stella fir-Rabat se jieħu dehra ġdida. Il-proġett Identity of an Island jinkludi spazju ġdid għall-esebizzjonijiet dwar aspetti differenti tal-istorja Għawdxija. F’Mejju tas-sena d-dieħla, dawn se jintużaw f’serje ta’ avvenimenti li se jantiċipaw Jum ir-Rabat.
Hawnhekk il-Ministru Clint Camilleri qal li b’hekk, l-artisti Għawdxin se jkomplu jaraw it-talent tagħhom jingħata l-ħajja u jitgawda mill-pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li bi proġetti bħal dawn se tkompli tissaħħaħ l-pożizzjoni ta’ Għawdex.
Huwa tenna: “Dan il-proġett li qed ikun finanzjat permezz ta’ fondi Ewropej mill-programm Leader huwa mezz ieħor kif inkomplu ninvestu aktar fondi tal-Unjoni Ewropea b’mod dirett fil-lokalitajiet. Huwa proġetti li forsi spazji li ma kinux qed jintużaw ġewwa din il-binja se jkunu qegħdin jagħtu spazji ġodda li jsaħħu kemm Għawdex tkun attraenti.”