Il-Protezzjoni Ċivili għadhom għaddejjin b’ħidma sabiex jitfu n-nirien li ħakmu residenza f’Ħal Luqa li ilu għaddej mill-17:15 tal-bieraħ waranofsinhar fi Triq Wesgħet il-Vittmi tal-Gwerra. Tliet anzjani bħalissa jinsabu rikoverati l-isptar b’rabta ma’ dan il-każ.Is-sit one.com.mt jista’ jiżvela wkoll li kawża tat-temperaturi għoljin li laħħaq in-nar u żewġ splużjonijiet, iż-żewġ residenzi li jinsabu biswit id-dar li ħadet in-nar ġarrbu ħsarat estensivi u l-istruttura tagħhom ukoll tinsab f’periklu.
Kollox jindika li n-nar oriġina minn presepju kbir li kien armat fil-garaxx u minħabba materjal ta’ kartun, jablo u żebgħa, n-nar infirex u kawża tat-temperaturi għoljin seħħet dik li tissejjaħ spontaneous combustion u n-nar dlonk infirex għall-kumplament tar-residenza.
Kawża li n-nirien infirxu fi ftit ħin, anzjana li kienet fid-dar weħlet fil-bitħa u hija nħarġet mid-dar madwar siegħa wara li bdiet l-operazzjoni. Hija kienet f’komunikazzjoni diretta ma’ qarib tagħha permezz tal-mobile. Hija setgħet tinħareġ biss wara li l-Protezzjoni Ċivili fetħu aċċess minn residenza oħra li kienet tinsab żewġ bibien il-bogħod.
It-tliet anzjanili ttieħdu l-isptar huma; żewġt anzjani wieħed ta’ 71 sena u l-ieħor ta’ 90 sena u mara ta’ 71 sena, li sofrew xi ġrieħi minħabba l-ħruq u d-dħaħen.
It-tliet anzjani ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn aktar tard r-raġel ta’ 71 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li r-raġel ta’ 90 sena u l-mara sofrew ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C. Stafrace Żammit LLD li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Ritratti: Michael Spiteri