Waqt żjara lill-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammi Lewis tenna l-impenn tiegħu biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-pjaga soċjali li hi l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Il-Ministru Zammit Lewis spjega kif wara l-progress leġiżlattiv li rriżulta mit-traspożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u li rriżulta f’pieni aktar ħorox għall-aggressuri u aktar protezzjoni għall-vittmi, jeħtieġ li nindirizzaw b’mod effettiv il-mentalitajiet abbużivi u nittrasformaw is-soċjetà tagħna. Dan permezz ta’ edukazzjoni minn età bikrija biex b’hekk tiżdied il-prevenzjoni.

F’dan ir-rigward, Dr Zammit Lewis wiegħed l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru biex jiżdiedu r-riżorsi tal-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru. Fl-istess waqt saħaq dwar l-importanza tal-kooperazzjoni mal-partijiet kollha involuti biex l-isforz ikun wieħed kollettiv u komprensiv.

B’referenza għall-approvazzjoni ta’ Dr Helena Dalli bħala l-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, il-Ministru Zammit Lewis qal li bil-viżjoni ambizzjuża u d-determinazzjoni tal-President-elett Von Der Leyen u l-Kummissarju Dalli, issa għandna l-ingredjenti kollha meħtieġa biex nixprunaw l-agenda tal-Gvern favur ugwaljanza għal kulħadd u f’kull aspett.