Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed ikompli jikkonferma kemm ma jeżisti l-ebda rispett lejn l-istituzzjonijiet għajr meta jiddeċiedu xi ħaġa li togħġbu, ma’ kull jum li jgħaddi qed ikompli jippersisti fl-arroganza, l-istess arroganza li l-poplu vvota kontriha fl-aħħar elezzjoni ġenerali waqt li huwa kien Viċi Kap u parti mill-Gvern sfiduċjat.
Il-Partit Laburista qal li mhux talli mhux qed jiġbed l-attenzjoni tad-Deputat tiegħu Jason Azzopardi li mingħajr mistħija ta’ xejn qal li mhux qed jibża’ mid-deċiżjoni tal-ispeaker u li jista’ jinsa li se jkun qed jirtira l-gideb li għamel fil-konfront ta’ Owen Bonnici, iżda b’arroganza talab li dak li japplika għal Jason Azzopardi japplika għalih ukoll.
Din hija reazzjoni ta’ min huwa elite u parti mill-establishment li jaħseb li huwa ‘l fuq minn kull liġi jew regola li teżisti stqarr il-Partit Laburista.
Din hija l-istess arroganza li kienet teżisti qabel l-aħħar elezzjoni u li llum il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid jreġġa’ l-arloġġ lura għaliha. Minkejja dan il-poplu Malti u Għawdxi huwa mxebba’ b’din l-arroganza u ma jridx ireġġa’ l-arloġġ lura.