Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela pparteċipa f’laqgħa tal-Kunsill għall-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO), fi Brussell. F’din il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ temi fosthom id-direttiva dwar il-paga minima u d-direttiva dwar it-trasparenza fil-ħlas.
Fl-intervent tiegħu dwar il-paga minima, il-Ministru Carmelo Abela qal li Malta dejjem sostniet li l-ħaddiema għandhom ikollhom paga xierqa u diċenti. Il-Ministru kompla jgħid li Malta dejjem tat l-appoġġ tagħha għall-oġġettiv ta’ din id-direttiva, liema direttiva tippromwovi wkoll il-collective bargaining li jwassal biex ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Il-Ministru Abela, responsabbli wkoll mid-djalogu soċjali f’pajjiżna, saħaq kif id-djalogu soċjali qed jiffunzjona tajjeb bejn is-sħab soċjali, u li sar parti mit-tessut soċjali tal-pajjiż. “Malta qed taħdem b’mod kontinwu ħalli nassiguraw suq tax-xogħol inklussiv, filwaqt li ntejbu l-oqsma ekonomiċi u soċjali”, sostna l-Ministru.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Abela wera l-apprezzament tiegħu li ċertu sforz mill-Presidenza wassal biex fid-Direttiva saru emendi li tqajjmu mill-istati membri, fosthom minn Malta. Dan il-kompromess milħuq jista’ jwassal biex din id-Direttiva tgħaddi għall-fażi li jmiss. Għal dan il-għan, huwa awgura li l-Presidenza li jmiss jimxu fuq dak maqbul ħalli l-appoġġ jibqa’ wieħed b’saħħtu għal din id-direttiva.
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill ġie diskuss ukoll it-trasparenza fil-ħlas, u t-tnaqqis fil-gender pay gap, kif ukoll il-promozzjoni tal-equal pay for equal work bħala prinċipji.
Għaldaqstant, Malta tilqa’ dawn l-inizjattivi minn naħa tal-Kummissjoni li jkomplu jippromwovu u jindirizzaw l-ugwaljanza tal-ġeneri madwar l-UE, fejn Malta tirringrazzja lill-Presidenzi għax-xogħol tagħhom sabiex jinħoloq kompromess f’din id-direttiva wkoll.
Finalment, fid-dibattitu dwar ‘Lejn Ewropa tal-Ugwaljanza”, il-Ministru Abela sostna li minkejja li dan is-suġġett ilu fuq l-aġenda Ewropea għal bosta snin, madanakollu f’kull pajjiż membru tal-UE għadhom jeżistu l-isfidi.
Huwa spjega kif dan jista’ jsir b’numru ta’ miżuri li jippromwovu l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-familja; u li b’effett ta’ dawn il-miżuri u oħrajn, l-inugwaljanzi fil-pagi, jonqsu.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Ministru Abela rrimarka li matul dawn l-aħħar snin Malta daħħlet numru ta’ skemi u inizjattivi li indirizzaw numru ta’ inugwaljanzi, filwaqt li n-numru ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol żdied sostanzjalment.