Fil-Qorti rriżulta li l-konferenza tal-aħbarijiet li għamel id-deputat Jason Azzopardi dwar Peter Paul Zammit saret mingħajr ma kellu s-sors originali.
U fl-istess ħin jirriżulta li ma teżisti ebda evidenza li kien l-eks Kummissarju Peter Paul Zammit li għadda lill-gazzetta Maltatoday il-file tal-Ispettur Elton Taliana.
Qal dan l-eks Kummissarju tad-Data Saviour Cachia, wieħed mix-xhieda fil-każ ta’ Peter Paul Zammit bħala ċittadin privat, kontra Jason Azzopardi.
Wara li kien tlesta rapport tal-Kummissarju tad-Data, Azzopardi għamel konferenza tal-aħbarijiet fejn kien implika li Zammit illikja l-file. Xi ħaġa li dakinhar stess kienet miċħuda mill-editur tal-Maltatoday, Saviour Balzan, dakinhar stess.
“Qatt ma investigajna min kien responsabbli, imma l-każ innifsu. Ma kien hemm ebda prova dwar min ħareġ l-informazzjoni,” qal Cachia fil-Qorti.
Peter Paul Zammit xehed wara Cachia u wkoll ċaħad li kien hu li għadda t-tagħrif, hekk kif implikat minn Azzopardi. Fil-Qorti qal li jrid jikkjarifika l-affarijiet u li mhux Azzopardi jmur il-ħabs jew jeħel multa. Fil-fatt, Zammit qal li kien hemm mumenti fejn kien qed jipprova jilħaq ftehim ammikevoli u għalkemm dan seta’ deher li kien possibbli f’xi ħin, sfaxxaw id-diskussjonijiet.
Xehed ukoll Saviour Balzan, li filwaqt li fakkar kemm iffaċja libelli kriminali hu, ikkonferma fix-xhieda tiegħu li ma kienx Zammit li għaddielu l-informazzjoni.
Qal li t-tagħrif irċevih meta kien qed jinvestiga dwar l-Ispettur Taliana u nnota kif Azzopardi kien qed jiddefendi spettur li mhux tajjeb ghall-korp tal-Puilizija. Dan fi kliem l-eks Kummissarju John Rizzo.
Fix-xhieda tiegħu Jason Azzopardi qal li ma jiċħadx dak li qal, filwaqt li kkonferma li konferenza tal-aħbarijiet li għamel ibbażaha fuq artiklu tat-Times of Malta, fost oħrajn iffirmat minn Ivan Camilleri.
B’hekk ma tkellimx fuq id-deċizjoni tal-Kummissarju tad-Data, li ammetta li lanqas biss kellu kopja tagħha. Wara li sema dan u iktar il-Maġistrat Joe Mifsud aġġorna l-każ ghall-ħmistax ta’ April biex jagħti s-sentenza.
Wara li kkomunika dan il-Maġistrat, kulħadd ħareg barra mill-Qorti, fejn l-atmosfera reġgħet kienet ostili fil-konfront tal-ġurnalisti.