It-tkabbir ekonomiku fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien ta’ kważi erbgħa fil-mija.
Dan ħareġ minn aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fejn ħareġ li t-tkabbir ekonomiku bejn April u Ġunju li għadda kien ta’ 3.9%.
Fi stqarrija mill-Bank Ċentrali ħareġ li l-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju kien f’livell ogħla mill-medja storika. Waqt li l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea baqa’ ogħla mill-medja storika wkoll.
Minn din ir-revista tal-Bank Ċentrali ħareġ li t-tkabbir fl-impjieġi f’dan il-kwart imsemmi kien ta’ kważi ħamsa fil-mija, waqt li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna kienet ta’ 2.5%.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll kif id-deċifit tal-Gvern niżel għal ftit inqas minn 4.3%, minn kważi ħamsa fil-mija fil-kwart ta’ qabel. Dan filwaqt Ii l-proporzjon tad-dejn fil-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna kien ta’ kważi wieħed u ħamsin fil-mija. B’dan tal-aħħar huwa inqas mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Minn dan l-aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali ħareġ ukoll li l-inflazzjoni f’Ġunju li għadda naqset bi kważi perċentwal, meta mqabbel ma’ tliet xhur qabel.