Estimi għas-sena 2022, juru li l-ekonomija Maltija kibret bi kważi 7% meta mqabbel mal-2021.
Juru dan ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u li jispjegaw kif dan it-tkabbir ekonomiku f’Malta huwa d-doppju dak fiż-Żona Ewro.
F’termini ta’ flus, dan it-tkabbir fl-ekonomija ta’ pajjiżna jammonta għal kważi biljun ewro (€911,453,000)
Dan minkejja l-isfidi internazzjonali li ddominaw tul l-2022, fosthom fil-bidu tagħha, il-pandemija u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha, u aktar tard il-gwerra fl-Ukrajna li għadha tiddomina sal-lum.
Dan it-tkabbir ekonomiku huwa attribwit fost oħrajn għal żieda ta’ aktar minn tmienja fil-mija (8.1%) fil-Valur Gross Miżjud fl-2022.
L-aktar responsabbli għal dan it-tkabbir kienu s-setturi tas-servizzi, tal-industrija u dawk tal-Agrikoltura u s-Sajd. Il-Kontribuzzjonijiet f’dawn l-oqsma jammontaw għal sebgħa punt sebgħa fil-mija (7.7%), żero punt sebgħa fil-mija (0.7%), u żero punt wieħed fil-mija (0.1%) rispettivament.
Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn is-settur tas-servizzi, hawn l-NSO nnutat żieda fl-attività ta’ disgħa fil-mija (9%) dan filwaqt li fis-settur tal-industrija kien hemm tkabbir ta’ sebgħa punt sitta fil-mija. (7.6%) Intant fis-settur tal-Agrikoltura u s-Sajd kien hemm żieda ta’ tmienja punt ħamsa fil-mija (8.5%) f’termini ta’ volum.
Iż-żieda fis-settur tas-servizzi kienet ikkaratterizzata minn kontribuzzjonijiet b’saħħithom f’numru ta’ setturi.
Ewlenin fosthom kienu dawk tal-akkomodazzjoni u s-servizzi b’rabta mal-ikel hekk kif dan ammontaw għal aktar minn tmenin fil-mija tal-kontribuzzjonijiet. (81.4%)
Is-settur tat-trasportazzjoni u l-ħażna wkoll kien kontributur ewlieni b’aktar minn tlieta u għoxrin fil-mija (23.3%). Is-settur tas-servizzi amministrattivi u ta’ servizzi ta’ sapport kellu kontribuzzjoni ta’ aktar minn ħmistax fil-mija (15.8%) filwaqt li dak tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni kellu kontribuzzjoni ta’ kważi tmienja fil-mija. (7.9%)
B’reazzjoni għal din l-aħbar pożittiva għal pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela nnota dan it-tkabbir u sostna kif minkejja l-pandemija u l-effetti fuq pajjiżna minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, illum l-ekonomija ta’ pajjiżna hija għaxra fil-mija (10%) akbar milli kienet fl-2019.
Sena li ma ntmissitx mill-effetti tal-pandemija u l-gwerra filwaqt li fiha Malta attirat l-akbar numru ta’ turisti fl-istorja ta’ pajjiżna.