L-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika qal li l-ekonomija Maltija kibret b’6.4% fit-tieni tliet xhur tas-sena meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Miċ-ċifri tal-NSO joħroġ ukoll li l-Prodott Domestiku Gross bejn April u Ġunju li għadda kien ilaħħaq ftit anqas minn elfejn, sitt mija u tmienja u ħamsin miljun ewro, mitejn u disgħa miljun ewro aktar milli kien fl-istess tliet xhur tas-sena li għaddiet.
L-uffiċċju tal-istatistika qal li b’din iż-żieda, il-prodott Domestiku Gross żdied b’mija u erba u disgħin miljun ewro fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Miċ-ċifri joħroġ li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija ġġenerat aktar minn ħamest elef mija u disa’ u erbgħin miljun ewro.
Cifri ufficjali tal-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’termini reali t-tieni tliet xhur ta’ din is-sena kienu ekonomikamnet tajbin ħafna meta wieħed iqies li l-pajjiż kien għaddej minn kampanja elettorali fejn hu maħsub li l-ekonomija tickien minħabba l-incertezza li jġib miegħu tali avveniment.
Madankollu l-ekonomija Maltija kompliet tikber u tissaħħaħ bl-istess ritmu tal-ewwel tliet xhur tas-sena meta ġie rreġistrat tkabbir ta’ 6.2%.
It-tkabbir ġie rreġistrat l-aktar fis-settur professjonali, amministrattiv u fis-settur tas-servizzi li raw żieda ta’ erba’ u sittin miljun ewro.
Żidiet oħra kienu rreġistrati fis-settur tal-bejgħ bl-ingross u bl-imnud, it-tiswijiet tal-vetturi, it-trasport u l-ħażna, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel b’dan tal-aħħar jirreġistra żieda ta’ ftit anqas minn ħamsa u erbgħin miljun ewro jew żieda ta’ ftit anqas minn għaxra fil-mija. Is-settur tad-divertiment u l-arti fost oħrajn irreġistraw żieda ta’ tletin miljun ewro jew ta’ ftit aktar minn għaxra fil-mija.