Fi stqarrija l-Gvern qal li għal darba oħra t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna qabeż l-aspettativi tal-esperti tar-rating agencies internazzjonali, l-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Filwaqt li dawn kienu qed ibassru li l-ġid nazzjonali se jkun kiber b’4% fl-2016, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ir-rata ta’ tkabbir kienet ta’ 5%.
Dan, qal il-Gvern, huwa kważi d-doppju tar-rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. Huwa wkoll tliet darbiet iktar mit-tkabbir li, skont il-Eurostat, kien hemm fiż-żona ewro fl-2016.
Kien hemm żewġ fatturi li wasslu għat-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna, spjega l-Gvern. L-ewwel kienet żieda qawwija fil-konsum privat. Filwaqt li l-Oppożizzjoni ssostni li hawn għafsa fil-pagi u l-familji ma jistgħux ilaħħqu, iċ-ċifri uffiċjali juru l-pagi f’pajjiżna telgħu b’€247 miljun, jew b’6%, fl-2016. Fl-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti ż-żieda kienet ta’ żewġ terzi minn dik tas-sena li għaddiet.
Dan meta tul l-amministrazzjoni preċedenti l-inflazzjoni kienet tliet darbiet ogħla milli hi illum. L-istatistika uffiċjali turi li, filwaqt li fl-2016 il-konsum privat żdied b’3.9% wara li tikkunsidra l-inflazzjoni, fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti kien hemm tnaqqis ta’ 0.4%.
It-tieni fattur wara t-tkabbir ekonomiku qawwi fl-2016 kien l-andament tal-azjendi. Fil-fatt iċ-ċifri uffiċjali juru li l-profitti tan-negozji għolew bi kważi €300 miljun fl-2016, u kienu 48% ogħla mill-2012. Din iż-żieda fil-profitti ġejja fost l-oħrajn minħabba tkabbir sinifikanti fl-esportazzjoni li żdiedet bi kważi €500 miljun fuq is-sena li għaddiet.
Element ieħor importanti hu li, f’termini reali, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, l-investiment huwa 57% ogħla. Fl-2016 f’pajjiżna sar investiment rekord li għall-ewwel darba fl-istorja qabeż it-€2.3 biljun, jew biljun ewro aktar mill-2012.
Il-Gvern innota li fil-pjan ekonomiku li kien ippublika fl-2013, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien bassar li, taħt it-tmexxija tiegħu, fl-2016 pajjiżna kien ikollu tkabbir ta’ 3.3%. L-istatistika uffiċjali turi li pajjiżna kellu tkabbir ferm ogħla minn hekk, tant li l-ġid nazzjonali s-sena li għaddiet kien €1.7 biljun, jew 22%, akbar mill-miri ta’ Dr Busuttil. Il-mira ta’ ġid nazzjonali għall-2016 li kellu Dr Busuttil, din l-amministrazzjoni kienet diġà laħqitha fl-2014, jiġifieri sentejn qabel.
Fix-xhur li ġejjin, qal il-Gvern, se ikompli jaħdem biex pajjiżna jkompli jkun fost l-aqwa ekonomiji fl-Unjoni Ewropea u l-ġid jasal għand kulħadd.