Il-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna laħħaq id-dsatax punt erbgħa biljun ewro matul is-sena li għaddiet, wara li l-attività ekonomika kibret b’ħamsa punt sitta fil-mija fuq dik irreġistrata sena qabel.
Din tfisser rata ta’ tkabbir ekonomiku ftit iżjed mill-medja ta’ 5.4% tal-ħames snin preċedenti u ferm aktar mid-doppju tat-tkabbir medju taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.
Irraportat dan il-gazzetta Kullħadd, li qalet kif illum il-ġurnata, l-ekonomija Maltija hi kważi 20% akbar milli kienet qabel il-pandemija tal-COVID-19 u kważi d-doppju ta’ li kienet fl-2012.
Il-Kullħadd spjegat li fl-erba’ snin kemm ilu Prim Ministru Robert Abela, l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret bi kważi €2.5 biljun, anke meta tneħħi l-effett tal-inflazzjoni. Dan hu darbtejn u nofs kull tkabbir li pajjiżna esperjenza taħt l-aħħar Gvern ta’ Lawrence Gonzi.
Fil-fatt, bejn l-2020 u l-2023, l-ekonomija tagħna kibret daqskemm kienet kibret fi żmien it-tliet amministrazzjonijiet Nazzjonalisti ta’ bejn l-1998 u l-2012, f’erbatax-ilsena.
Intqal li nofs it-tkabbir ekonomiku li seħħ imqabbel ma’ sena qabel kien ġej mis-servizzi professjonali u amministrattivi, is-servizzi finanzjarji u dawk tal-informazzjoni u komunikazzjoni.
I -Kullħadd irrimarkat li l-ixprun tat-tkabbir ekonomiku kompla jkun il-konsum privat. Fil-fatt kważi żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku kien dovut għall-konsum akbar mill-familji, li jirrifletti wkoll il-fatt li ġie rreġistrat l-ogħla ammont ta’ dħul għall-ħaddiema li qatt ġie osservat fl-istorja.
Fl-istess ħin, it-turiżmu laħaq livelli rekord, waqt li setturi diġitali komplew jespandu b’rata qawwija.