Ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku li rreġistra pajjiżna fl-ewwel kwart ta’ din is-sena hija l-aqwa waħda fl-Ewropa. Dan għax filwaqt li l-ġid nazzjonali ta’ Malta kiber b’5.2% fil-bqija taż-Żona Ewro it-tkabbir ekonomiku laħaq il-1.7% biss.
Fuq kollox din ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku hija erba’ darbiet u nofs iktar mir-rata ta’ tkabbir ekonomiku fi żmien amministrazzjoni preċedenti.
Iktar minn hekk, lejlet l-aħħar elezzjoni il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien bassar li taħt it-tmexxija tiegħu, pajjiżna kien ikollu tkabbir ta’ 3.3% fl-2016.
Biex l-istatistika uffiċjali turi li fl-ewwel tlett xhur it-tkabbir ekonomiku diġa’ qabeż dan it-tbassir bi kwazi 2%.
Intant, minbarra li habbar it-tkabbir ghal-ewwel kwart, l-NSO rriveda ‘l fuq it-tkabbir ghall-2015 ghal 6.4%, mill-ewwel stima ta’ 6.3%.
It-tkabbir ekonomiku fl-ewwel tlett xhur tas-sena kien xprunat minn żewġ fatturi: żieda qawwija fil-konsum privat flimkien ma tkabbir sostanzjali fl-investiment. Iż-żieda fil-konsum privat tirrefletti titjib sinjifikanti fid-dħul tal-familji. Fi żmien meta skont l-Oppożizzjoni hawn għafsa fil-pagi, l-istatistika uffiċjali turi żieda ta’ €54.5 miljun, jew 5.8% fil-pagi. F’setturi bhal-informatika, komunikazzjoni u servizzi ta’ rikkreazzjoni d-dħul tal-ħaddiema żdied ferm aktar, b’iżjed minn 10%.