Fis-sentejn li ġejjin it-tkabbir ekonomiku mhux biss mistenni jibqa’ b’saħħtu, iżda se jaqbeż saħansitra dak imbassar għal din is-sena.
Dan ħareġ mir-rapport tal-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti, li issa qed ibassar li t-tkabbir ekonomiku din is-sena se jkun ta’ 4.1%, filwaqt li t-tkabbir ekonomiku s-sena d-dieħla u ta’ wara, se jkun ta’ 4.5% u 4.6% rispettivament.
F’rapporti oħrajn, li saru s’issa, kien imbassar li t-tkabbir, għalkemm xorta b’saħħtu, kien se jkun inqas minn din is-sena.
Dan it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li għaddej minnu pajjiżna qed ikun previst minkejja l-isfidi internazzjonali mingħajr preċedent, fosthom bil-Gwerra fl-Ukrajna, li ġabet magħha kriżi fis-settur tal-enerġija.
Biex jilqa’ għal din id-daqqa, il-Gvern Malti, is-sena l-oħra u din is-sena qed jinvesti mal-biljun ewro biex il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil jibqgħu stabbli għall-familji u n-negozji.
Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti nnota wkoll li l-inflazzjoni se tinżel sew sal-2025. Dan hekk kif minn 5.7 fil-mija din is-sena, sa sentejn oħra se tinżel għal 2 fil-mija.
Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll li r-rata tal-qgħad se tibqa’ simili għal dik li hemm bħalissa, li jfisser li tibqa’ l-iżjed baxxa fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan ir-rapport jindika wkoll li din is-sena, id-defiċit fiskali huwa mbassar li jonqos għal 5 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku minn kważi 6 fil-mija s-sena li għaddiet. Minbarra hekk, dan mistenni jinżel għal 3 fil-mija fi żmien tliet snin oħra.
Dan ir-rapport jgħid ukoll li l-proporzjon tad-dejn tal-Gvern, imqabbel mal-Prodott Gross Domestiku, mistenni li jibqa’ taħt is-60 fil-mija, skont il-kriterji tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif sal-aħħar tas-sena d-dieħla, id-dejn mistenni jkun ta’ 55.7 fil-mija.
Dan ir-rapport tal-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti jsegwi t-tbassir għar-rebbiegħa mill-Kummissjoni Ewropea li fih ħareġ li pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, din is-sena u anke s-sena d-dieħla.