Il-President Coleiro Preca appellat biex f’dawn iż-żminijiet, “ngħarfu l-importanza u l-bżonn li nirrispettaw lil xulxin, fil-familji tagħna, fil-postijiet tax-xogħol, fil-komunitajiet u anke fuq il-media soċjali”.
Dan qalitu meta żaret l-attività “Ħad-Dingli – Ħidma Agrarja u Tradizzjonijiet”, fil-Buskett.
“L-Elezzjoni Ġeneral tiġi u tmur, iżda wara li jgħaddi kollox, kull wieħed u waħda minna nibqgħu pajjiż wieħed, komunità waħda, ġirien u qraba ta’ xulxin. Aħna lkoll familja waħda, u dan m’ għandna ninsewh qatt. Huwa għajb għal min jiżvoga fit-tgħajjir. Ma jimpurtax li ma naqblux ma xulxin, anzi dan importanti għad-demokrazija, li jkollna fehmiet differenti minn xulxin. Fehmiet differenti m’għandu qatt ifisser nuqqas ta’ rispett lejn xulxin,” qalet il-President.
Fl-aħħarnett, il-President appellat lill-ġenituri biex jagħtu l-eżempju lil uliedhom fil-familja “biex nassiguraw li nibqgħu poplu rispettuż u dinjituż fil-mod kif ngħixu ma’ xulxin.”