Żagħżugħ ta’ madwar għoxrin sena sofra ġrieħi fix-xewka ta’ dahru f’inċident f’waterpark f’Anchor Bay, il-Mellieħa. Kien għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar li s-soċjetà tas-salib l-aħmar kienu msejħa sabiex jassistu lill-ġuvni biex jittieħed fuq l-art mill-baħar għall-kura.
L-ewwel għajnuna ngħatat lill-ġuvni, mill-gwardjan tal-kosta stazzjonat fl-istabbiliment sakemm waslu fuq il-post team tar-Red Cross permezz ta’ Jet ski li kellu jintuża minħabba li l-ġeografija tal-bajja ma tippermettiex li tidħol id-dgħajsa ta’ salvataġġ. Sar anka kuntatt mal-Forzi Armati ta’ Malta għall-assistenza, madanakollu, ir-Red Cross irnexxilhom itellgħu lir-raġel minn Popeye’s Village waħedhom.
Fuq ix-xatt mar tim mediku mill-isptar Mater Dei u mit-tim tar-rispons għall-emerġenza imexxi minn Dr Michael Spiteri. Iż-żagħżugħ ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura.