Il-Pulizija sabu splussiv ieħor f’appartament f’ San Pietruburgu, ir-Russja. Il-Pulizija spjegat li dan l-isplussiv instab waqt tfittxijiet li qed isiru wara l-attakk li sar fi stazzjon tal-ferrovija fil-Belt li ħalla erbatax-il persuna mejta. It-tfittxija saret għall-ħabta tal-5.00 f’Tovarichesky Prospekt. Il-Pulizija qalet li s-suspettati ma rreżistewx l-arrest.
Sorsi qalu lill-aġenzija tal-aħbarijiet Interfax li l-investigaturi qed jinvestigaw jekk kienx hemm konnessjonijiet bejn it-tliet irġiel u ż-żagħżugħ ta’ 22 sena li wettaq l-attakk fl-istazzjoni tal-ferrovija. Huwa mifhum li t-tliet irġiel arrestati huma kollha mill-Asja Ċentrali, bħal Akbarzhon Jalilov, li miet fl-attakk. Kienu l-ġenituri tiegħu li identifikaw il-fdalijiet tiegħu.
Dawk li jgħixu fiż-żona tal-appartament fejn instab l-isplussiv, intalbu li ma jidħlux fl-appartamenti tagħhom għalissa, b’dawk li kienu fuq il-post qalu li tliet persuni ġew arrestati wara li nstab dan l-isplussiv.