Is-sala tal-pazjenti nisa bi problemi tad-droga fl-Isptar Monte Karmeli magħrufa bħala d-Dual Diagnosis Unit, inbidelet f’waħda mimlija b’tiżjin u atmosfera mill-isbaħ tal-Milied. It-tiżjin sar kollu bl-idejn mill-għaġin, minn anġli sa presepju u siġra tal-Milied.
Tkellimna mal-Infermiera Marthese Camilleri, li spjegat kif dan serva wkoll ta’ ġid għall-pazjenti li f’mumenti bħal dawn jemmnu aktar fihom infushom.
Hija qalet, “L-għan li nagħmlu t-tiżjin kollu bl-idejn huwa li ninvolvu l-pazjenti tagħna. Jieħdu gost jgħinuna noħolqu dan l-ambjent sabiħ u jibdew jemmnu fihom infushom li kapaċi jagħmlu dawn l-affarijiet. L-ambjent tal-Milied aħna mmorru d-dar wara l-ħin tax-xogħol, il-pazjenti jibqgħu hawnhekk u nieħdu gost ħafna noħolqu dan l-ambjent biex ikollhom ambjent sabiħ tal-Milied.”
L-Infermiera spjegat li minkejja din is-sena dawn il-pazjenti ma setax ikollhom visti minn qrabathom, dan it-tiżjin żammhom aktar attivi partikolarment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.