Proprju fil-ġimgħa li fiha jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Klieb, żdiedet żona oħra tal-għawm għall-klieb: l-ewwel żona għall-għawm tal-klieb f’Birżebbuġa.
Bosta sidien ta’ klieb kienu għatxana għal aktar postijiet li fihom ikunu jistgħu jieħdu lill-ħabib tagħhom b’erba’ saqajn igawdi ftit il-baħar fil-jiem sħan tas-sajf.
Iż-żona li żdiedet mal-lista tal-inħawi li fihom jistgħu jgħumu l-klieb tissejjaħ Kalafrana, u tinsab biswit il-parkeġġ ta’ Wied il-Buni.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, qal lil ONE News xi tfisser din l-aħbar kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jżuru Birżebbuġa.
Qal, “Tul dawn l-aħħar snin ħdimna bis-sħiħ biex nidentifikaw żona f’Birżebbuġa biex nagħmluha aċċessibbli għar-residenti u għall-klieb ukoll, biex tkun waħda minn ftit bajjiet aċċessibbli. Dan jagħti sostenn lill-akbar ħabib tal-bniedem biex ikollhom post aċċessibbli, biex ikollhom fejn jinżlu jgħumu flimkien.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u l-Benesseri tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li l-Gvern laqa’ t-talba ta’ bosta għal aktar żoni għall-għawm għall-klieb hekk kif il-ħidma f’dan is-settur ma tiqafx.
Stqarret, “Il-Gvern għaddej b’diversi ħidmiet fejn jidħol l-aspett tal-annimali fosthom proġetti bħall-cattery u dog pans, sabiex inżidu aktar l-ispazju għall-annimali abbandunati u anke xi jfittxu n-nies f’dawn il-jiem ta’ sajf huma żoni fejn ikunu jistgħu jgħumu l-klieb.”
Intant, hekk kif ħarġet l-aħbar dwar żona ġdida għall-għawm għall-klieb, bosta sidien laqgħu bil-ferħ din l-istedina u, flimkien mal-klieb tagħhom, niżlu jgawdu l-baħar frisk ta’ filgħodu.
Filwaqt li l-għawm huwa eżerċizzju tajjeb għall-klieb, importanti li wieħed jagħti każ tal-ħinijiet tal-għawm biex jevita x-xemx qawwija kif ukoll biex jieħu ħsieb saħħet il-kelb waqt l-għawm.