Jidħlu fis-seħħ mekkaniżmi legali sabiex tibda titħaddem Sezzjoni Addizzjonali tal-Qorti tal-Appell Superjuri,
Bħala konsegwenza tar-riżultati pożittivi u b’saħħithom ħafna fl-effiċjenza li qegħdin jiġu rreġistrati fil-qrati ċivili tal-ewwel grad, frott il-bidliet li ġew implimentati, kienet qiegħda tinħass il-ħtieġa illi jiġu introdotti mekkaniżmi legali ġodda sabiex tittejjeb aktar l-effiċjenza fil-grad tal-appell.
B’hekk, permezz t’avviż legali li qiegħed jidħol fis-seħħ b’mod immedjat, dan il-gvern qiegħed jintroduċi qafas legali ġdid li jdaħħal fis-seħħ it-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. Bis-saħħa ta’ din il-miżura, issa żdiedet sezzjoni oħra tal-Qorti tal-Appell Superjuri bl-għan ewlieni li jitnaqqas iż-żmien li fih il-kawżi jiġu appuntati għas-smiegħ u deċiżi quddiem il-Qorti tal-Appell.
Fejn qabel il-Qorti tal-Appell kienet iffurmata minn żewġ sezzjonijiet, bi tliet imħallfin f’kull waħda u preseduti mill-Prim Imħallef, bil-liġi l-ġdida t-Tielet Sezzjoni se tkun magħmula wkoll minn tliet imħallfin iżda ma tkunx preseduta mill-Prim Imħallef. Minflok, ser ikun Imħallef ieħor Anzjan li jippresedi din is-sezzjoni, u għalhekk ikunu jistgħu jinżammu aktar seduti tal-Qorti tal-Appell. Naturalment l-assenjazzjoni tad-doveri ssir unikament u kompletament mill-Prim Imhallef.
“B’hekk din is-sezzjoni ġdida tkun tassew tista’ tħaffef il-proċess u l-appelli jiġu appuntati f’anqas żmien. Konsegwentalment, iċ-ċittadini li jkunu qegħdin ifittxu rimedji ġudizzjarji jkunu jistgħu jgawdu minn sistemi aktar effettivi u spediti”, saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Dan kollu qiegħed isir u se jibqa’ jsir sabiex ir-rule of law u d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment dak li jikkonċerna d-dritt għal rimedju effettiv fi żmien raġonevoli, jibqgħu jiġu ssalvagwardjati.