“Fl-aħħar ħames snin, il-Public Contracts Review Board (PCRB) irnexxielu jikseb livell għoli ta’ kredibilità u rispett u implimenta għadd ta’ bidliet u riformi skont il-prinċipji ta’ governanza tajba li wasslu sabiex ma jibqax ikun hemm dewmien fid-deċiżjonijiet tal-appelli,” qal il-Ministru għall-Finanzi Prof. Edward Scicluna waqt konferenza stampa fl-uffiċini tal-PCRB, fejn ġie ppreżentat ir-Rapport Annwali tas-sena ħidma 2017, fis-6 ta’ Ġunju 2018.
Il-Ministru Scicluna spjega kif “wara li studjajna kif kien isir il-proċess fil-passat, tejjibna l-istess proċess sabiex jitnaqqas iż-żmien li kuntratt jingħalaq u għalhekk il-proġetti ma jinżammux lura.”
Il-Ministru kompla jgħid li “mhuwiex aċċettabbli li fl-ambjent kompetittiv tal-lum li n-negozji jsibu ostakli għas-servizz pubbliku.”
Il-Ministru għall-Finanzi sostna li “ser ikun hemm aktar enfażi fejn jidħol monitoraġġ, konformità u l-infurzar, sabiex jiġi żgurat li l-proġetti jsiru skond dak li kien miftiehem.”
“Għandna bżonn iżjed nies esperti u li huma kompetenti, speċjalment fil-qasam tas-saħħa, l-IT u software. Ġew implimentati għadd ta’ bidliet u qed isiru diskussjonijiet fuq kif jiġi rristrutturat il-proċess biex jirrifletti l-esiġenzi ġodda,”temm jgħid il-Ministru Prof. Scicluna.