Artan Coku, l-Albaniż ta’ 31 sena, li s-sena l-oħra beda jiskonta sentenza ta’ erba’ snin ħabs b’rabta ma’ kompliċità fis-serqa armata tal-2017 mid-Diamonds International f’Tignè, ra żieda fis-sentenza u multa talli rrifjuta li jixhed kontra dawk li kienu kompliċi miegħu.
Fil-fatt, ir-raġel ġie ssentenzjat xahrejn oħra ħabs, u multa ta’ tlett elef ewro.
L-Albaniż iddaħħal il-ħabs fi Frar tas-sena l-oħra, wara li ammetta li għen fit-tħejjija u l-loġistika tal-hold-up, li allegatament twettaq minn Daniel Muka, ħuh Begtash, u Ramazan Hysa, li għadhom qed jaffaċċjaw akkużi simili.
L-Albaniż kien qal lill-Pulizija li l-ġojjellerija misruqa kienet se tintbagħat lejn Bari fl-Italja, u eventwalment tinbiegħ fl-Albanija.
Is-serqa saret minn żewġ ħallelin lebsin il-maskri u l-parrokki, li allegatament kienu armati b’shotgun, pistola, u anki mannar, fil-5 t’Ottubru tal-elfejn u sbatax. Fil-ħin tas-serqa kien hemm żewġt irġiel u mara fil-ħanut.