Fil-Partit Nazzjonalista komplew il-manuvri mill-establishment billi tintefa’ pressjoni fuq il-Kap Bernard Grech ħalli l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma jitħalliex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Irrapporta anki fuq il-pressjoni li qed jaffaċċja Grech biex jaqta’ saqajn Delia fil-kampanja elettorali tiegħu, il-ġurnal l-Orizzont.
Fl-aħħar sigħat kitbet id-deputat Marlene Farrugia, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ngħaqdet ma’ Simon Busuttil f’dik deskritta bħala l-koalizzjoni ta’ konfużjoni.
Farrugia qalet lil Bernard Grech li jekk hu jrid ikun kredibbli ma jistax imur għall-elezzjoni b’Delia miegħu.
Fuq il-profil tagħha fuq faebook lil Delia, Farrugia ddeskrivietu bħala mażżra li qed tiġbed il-Partit Nazzjonalista ’l isfel.
Bħall-esponenti oħra tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Marlene Farrugia fakkret lil Bernard Grech fid-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro li Delia ppreżenta f’isem Catco Group lid-Dar Providenza.
Din id-donazzjoni ma kinitx intlaqgħet mill-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza wara skruntinju li sar.
Marlene Farrguia żiedet tgħid li Adrian Delia kien sejjaħ lil Daphne Caruana Galizia bħala “biċċa blogger”.
Din mhux l-ewwel darba li Marlene Farrugia qalet lil Adrian Delia sabiex ma jibqax parti mill-Partit Nazzjonalista.
Fis-sajf li għadda, meta l-biċċa l-kbira tad-deputati Nazzjonalisti kienu sfiduċjaw lil Adrian Delia minn Kap, Marlene Farrugia kienet ħeġġet lid-Deputati Nazzjonalisti li sfiduċjaw lil Delia sabiex imorru mill-aktar fis għand il-President ta’ Malta biex ikun jista’ jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni ġdid.
Fil-Partit Nazzjonalista għaddejjin ukoll manuvri mmuntati mill-establishment li poġġa lil Bernard Grech biex Delia jitwaqqaf milli jkun kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Minkejja dan, Delia, li lanqas ried ikun parti mix-shadow cabinet ta’ Bernard Grech, fil-ġimgħat li għaddew bagħat messaġġ ċar lil min issa lanqas kandidat Nazzjonalista ma jridu.
Fil-fatt partikolarment lil Beppe Fenech Adami, rival ta’ Delia fuq it-tmien distrett, l-eks Kap fakkru li hu kandidat konfermat fuq id-distrett li sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li ta’ Fenech Adami ma jridu lil ħadd min immissulhom.
Delia mhux biss qed iwieġeb li hu kandidat konfermat tal-Partit Nazzjonalista iżda qed jisħaq ukoll li jista’ joħroġ anki fuq żewġ distretti.
Delia qal, “S’issa ġie kkonfermat it-tmien distrett, għadni ma kkonfermajtx jekk il-partit għandux bżonni fuq distrett ieħor u jekk il-partit jgħidli li għandu bżonni fuq distrett ieħor noħroġ fuq distrett ieħor ukoll.”