Wara Simon Mercieca, Noel Grima u Ivan Bartolo, issa kien imiss lin-negozjant Ray Bugeja, ex-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex ikompli jżid il-pressjoni fuq Simon Busuttil.
In-negozjant Ray Bugeja, li tliet snin ilu kien ikkontesta għall-kap tal-Partit Nazzjonalista ngħaqad ma’ sensiela ta’ simpatizzanti nazzjonalisti li fil-ġimgħat li għaddew, għaddew botti dwar it-tmexxija ta’ Simon Busuttil.
Fuq Twitter Bugeja kiteb, “Il-prova aħħarija ta’ mexxej tajjeb hija li jifhem meta għandu jirreżenja fl-aħjar interess ta’ dak li jmexxi u min imexxi.”
In-negozjant ta’ fama ddikjara dan f’mument meta Simon Busuttil qed jaffaċċja pressjoni kbira, b’ Simon Mercieca jiddiskrevih bħala kap li qed joħroġ t’opportunist u bil-ġurnalist veteran, Noel Grima jsejjaħlu l-ikbar diżappunt.
Bit-tweet tiegħu, Ray Bugeja, li huwa membru fuq il-Kummissjoni Finanzi huwa t-tieni membru tal-kummissjonijiet maħtura minn Simon Busuttil stess li fi ftit jiem tkellem kliem iebes pubblikament. Dan wara li Ivan Bartolo, membru tal-kumissjoni ekonomika ddikjara li tilef il-fiduċja fil-politiċi.
Kien one.com.mt li fl-ahhar ġimgħat żvela kif il-Kap Nazzjonalista qiegħed taħt pressjoni interna kbira u għalhekk b’reazzjoni se jżid id-doża negattiva. Iżda issa, l-istrateġisti huma mħassba li dak li kellu jibqa’ mistur fuq ġewwa ħareġ fuq barra, u għalhekk Busuttil jinsab espost iktar minn qabel.