Mitejn u tnejn u għoxrin kowċ qed jgħallmu sitta u tletin dixxiplina sportiva lil madwar sitt elef parteċipant li din is-sena għażlu li jkunu attivi fiżikament permezz tal-programm sajfi ta’ SportMalta, Summer on the Move.
Fost l-isport li qed jiġi prattikat hemm il-futbol, il-ġinnastika, l-arti marzjali u l-għawm.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar spjega kif il-programm mhuwiex biss għat-tfal, għaliex hemm ukoll attivitajiet għall-adulti, li filwaqt li jakkumpanjaw lil uliedhom, jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet bħal yoga u pilates.
Tant hu hekk, li l-età tal-parteċipanti tvarja minn erba’ snin sa tmienja u tmenin sena.
Qal, “Għalkemm f’ċikostanzi partikolari rajna li l-ewwel ikollna s-sigurtà tat-tfal, iż-żgħar u l-anzjani li jieħdu sehem fil-programmi tagħna għamilnieh. Barra minn hekk, b’kowċis ta’ livell irnexxielna nilħqu l-għan tagħna. Dak li nżidu l-attività fiżika fost il-popolazzjoni Maltija.”
Waqt żjara fil-Pixxina Nazzjonali f’tal-Qroqq, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima, saħaq li l-ħidma ta’ SportMalta qed tkompli tixpruna soċjetà Maltija aktar attiva fl-isport.
Qal, “Irrid ngħid illi fost dawn l-eluf ta’ parteċipanti kellek nies li għandhom età żgħira ta’ erba’ snin kif ukoll kollega anzjana ta’ tmienja u tmenin sena. Allura jikkonferma kemm ix-xogħol u l-ħidma ta’ SportMalta tagħmel differenza fil-familji Maltin u Għawdxin kollha”.
Hawnhekk ġie spjegat kif il-firxa wiesa ta’ ċentri madwar Malta u Għawdex tat l-opportunità lil aktar nies biex jieħdu sehem f’dawn il-programmi bi prezzijiet affordabbli.