Il-Qorti Kriminali żiedet is-sentenza li ngħatat is-sena li għaddiet liż-żewġ periti li nstabu ħatja li kkawżaw il-mewt ta’ Miriam Pace.
Pace tilfet ħajjitha wara li r-residenza tagħha f’Santa Venera ġġarrfet biha fiha f’Marzu tal-2020 kawża ta’ xogolijiet ta’ kostruzzjoni li kienu qed isiru ħdejha.
Is-sena li għaddiet, il-periti Roderick Camilleri, mir-Rabat, u Anthony Mangion, mill-Gżira, nstabu ħatja li kkawżaw il-mewt ta’ Pace kawża ta’ negliġenza filwaqt li kkawżaw ħsarat f’binjiet oħra fil-qrib.
Camilleri kien instab ħati wkoll li għamel dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet pubbliċi. Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat lil Camilleri biex jagħmel 480 siegħa fil-komunità flimkien mal-ħlas ta’ multa ta’ €10,000 filwaqt li lil Mangion ordnatlu jaħdem 400 siegħa fil-komunità u waħħlitu multa ta’ €8,000.
L-Avukat Ġenerali appella s-sentenza.
F’deċiżjoni meħuda dalgħodu, l-Imħallef Aaron Buġeja qabel mal-appell u biddel id-deċiżjoni tal-piena biex, minn multa ta’ €10,000 lil Camilleri, din inbidlet għal sentejn ħabs sospiżi għal sentejn flimkien ma’ 480 siegħa ta’ xogħol fil-komunità.
Intant, il-Qorti llum sabet lil Mangion ħati li ma kienx preżenti għal xogħol perikoluż li kien għaddej, liema akkuża fil-bidu ma kienx instab ħati għaliha. Minn multa ta’ €8,000 din inbidlet għal sentenza ta’ ħmistax-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn. L-400 siegħa xogħol fil-komunità ġew ikkonfermati.