L-arroganza u n-nuqqas ta’ umiltà fil-Partit Nazzjonalista komplew ikunu fiċ-ċentru tal-kritika minn ħafna opinjonisti f’pajjiżna.
Dan qed iseħħ fid-dawl tal-fatt li qed tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li, taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma jispirax fiduċja hekk kif baqa’ mifni bil-firda u l-ġlied.
Kienet proprju din it-tema li biha, l-eks Ministru Nazzjonalista il-Perit Michael Falzon irreaġixxa għall-aħħar żviluppi fid-Dar Ċentrali, fejn qed ikompli joħroġ kif il-fazzjonijiet fid-Dar Ċentrali qed jippruvaw jimponu d-dominanza tagħhom, b’waħda minnhom saħansitra kienet se tiġbor il-firem biex il-Kap Nazzjonalista jitqaċċat.
F’artiklu ta’ opinjoni fil-MaltaToday, l-eks Ministru Nazzjonalista jipponta lejn il-Kap Nazzjonalista u l-falliment tiegħu li jibdel l-attitudni arroganti tal-Partit Nazzjonalista.
Falzon jgħid li, fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech huwa kontradizzjoni. Irrimarka li, anke fl-elezzjonijiet, jipprova jikseb il-fiduċja ta’ dawk li jqishom moralment u intellettwalment inferjuri.
Madankollu, minkejja dan, xorta waħda jibqgħu għaddejjin b’din l-attitudni.
Fil-fatt, għal iktar minn darba, l-eks Ministru Nazzjonalista jirreferi għal din l-attitudni ta’ superjorità li baqgħet tiddomina fil-Partit Nazzjonalista.
Intant, fl-artiklu tiegħu, Michael Falzon jirreferi wkoll għall-aħħar Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista; kunsill li kompla jikkonferma din l-attitudni ta’ arroganza u superjorità flimkien ma’ aktar elementi ta’ firda u ġlied.
Falzon, bħal bosta qablu, jikkritika lill-Kap Nazzjonalista għad-diskors b’nofs qalb li għamel; diskors li kixef kif Bernard Grech qata’ qalbu li, b’mod effettiv, imexxi lill-Partit Nazzjonalista.
Bħal Falzon, ftit tal-jiem ilu ,l-artikolista independenti Raphael Vassallo wkoll kritika lill-Kap Nazzjonalista għad-diskors mimli kontradizzjonijiet li għamel.
Fid-diskors tiegħu, Grech filli aċċenna għall-ġlied li qed jiddomina internament fil-PN u filli, fl-istess ħin, jgħid li dan l-istess ġlied huwa biss perċezzjoni.
“Li jekk ma titlax f’xi elezzjoni, mhux jeħel il-Partit, imma jekk tiġi elett, hija kapaċità tiegħek u ħila tiegħek; li jekk tittieħed deċiżjoni li ma togħġbokx, mhux nattakka u nsawwat u nitfa’ l-vleġeġ.”
“Għaliex il-perċezzjoni għadha li dan il-partit m’huwiex magħqud biżżejjed.”