Matul ix-xahar ta’ Novembru fl-Isptar Mater Dei kien hemm żieda ta’ 7% fl-attività fid-Dipartiment tal-Outpatient, meta mqabbla ma’ Novembru ta’ sena ilu.
Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li waħda mill-akbar żidied fid-Dipartiment tal-Outpatient kienet fil-każijiet il-ġodda fejn minn 6,352 każ ġdid f’Novembru 2015, fix-xahar li għadda kien hemm 7,703 każ ġdid irrekordjat fl-Outpatient.
Kien hemm ukoll żieda sostanzjali fin-numru ta’ follow-ups, fejn f’Novembru 2015 kienu saru 17,386 follow-up filwaqt li x-xahar li għadda saru 18,430.
Dan kollu juri l-pjan tal-Ministeru għas-Saħħa, li wara li ġiet solvuta kompletament il-problema tal-mediċini out of stock u solvuta l-problema ta’ ħafna waiting lists għall-operazzjonijiet, issa se ssir ħidma biex jiġu kkontrollati u mmaniġġjati aħjar l-appuntamenti fl-Outpatient.
“Nafu li hemm oqsma fl-Outpatient fejn għad għandna problema, u qegħdin naħdmu biex dawn il-problemi jiġu solvuti mill-aktar fiss biex b’hekk il-pazjenti tagħna jkunu jistgħu jkomplu jieħdu servizz aħjar,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.