Fil-Qorti t’Għawdex bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tas-Serb li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-Eġizzjan fl-Għarb tliet snin ilu.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, bdiet tixhed l-eks mara tal-Eġizzjan, fejn xehdet dwar il-mumenti li tkellmet l-aħħar ma’ Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed qabel ma nqatel.
Mistoqsija dwar jekk l-Eġizzjan kellux xi problemi, il-mara qalet li kellu problema serja tad-droga.
Hawnhekk irrakkuntat kif Walid kien imur ħafna drabi Malta fejn kien ukoll jitfi l-mobile.
Taħt ġurament hija tenniet kif l-Eġizzjan qatt ma sawwatha jew għamlilha xi ġrieħi u li t-tfal qatt ma refa’ jdejh fuqhom.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ wkoll ħabib tal-imputat li qal kif is-Serb qallu li kien mar Għawdex u qatel raġel Eġizzjan b’pistola.
Irrakkonta li l-akkużat kien ferm inkwetat li se jinqabad mill-Pulizija.
Is-Serb, bl-isem ta’ Aleksandr Stojanovic, kien baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.