Kolumbjana, li kienet tagħmel is-sess biex taqla’ l-ħobża ta’ kuljum, xehdet fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tat-traffikar uman għal skopijiet ta’ prostituzzjoni.
B’rabta ma’ dan il-każ, qed ikunu akkużati tmint irġiel u mara, li qed jiġu mixlija li traffikaw nisa mill-Amerka t’Isfel lejn Malta, biex iġiegħluhom jaħdmu fi briedel.
Il-mara xehdet kif spiċċat f’Malta taħt dawn iċ-ċirkostanzi.
Fuq il-pedana tax-xhieda, il-barranija qalet li ġiet Malta, speċifikament, biex taqla’ l-flus mis-sess, għax il-prostituzzjoni f’pajjiżha hi legali u kienet taħdem bħala escort biex issostni lil bintha, lil ommha u lin-nanna.
Il-mara qalet li l-idea li tiġi Malta ġabitha mingħand ħabiba tagħha, li wkoll hi sex worker, li kienet fi grupp fuq WhatsApp li kien jagħti opportunitajiet internazzjonali lill-escorts.
Fil-fatt, xehdet kif kienet taf għalxiex ġejja Malta u, bi tħejjija għall-vjaġġ tagħha, irċeviet l-għajnuna għall-arranġamenti tal-ivvjaġġar.
Spjegat kif it-titjira tagħha biex tiġi Malta swietha tlett elef u seba’ mitt ewro – liema flus kienet se tieħu lura malli tibda taħdem u tagħmel is-sess f’pajjiżna.
Mal-wasla tagħha f’Malta, il-mara sabet raġel isuq karozza bajda jistenniha, li aktar tard identifikat bħala Clint Lawrence D’Amato, wieħed mill-akkużati.
Hi ttieħdet fi proprjetà li ddeskriviet bħala ‘normali’ u qalet li bdiet taħdem minn dakinhar stess filgħaxija.
Meta spjegat x’kienet tinkludi ġurnata xogħol, qalet li kienet tibda taħdem mill-erbgħa ta’ waranofsinhar sas-sagħtejn ta’ filgħodu, u kienet taqdi bejn ħamsa u sitt klijenti kuljum. Hi kienet iżżomm ħamsin ewro għal nofs siegħa servizz u, jekk trid, setgħet iżżomm iżjed għal servizzi żejda li setgħu jitolbu l-klijenti.
F’għaxart ijiem, kienet taqla’ madwar erbat elef ewro, hi qalet.
Tenniet li kellha tirċievi elfejn ewro, iżda qatt ma ħadet xejn, u spjegat lill-Qorti li kienet tgħix mill-flus żejda li kienu tawha l-klijenti għal ċerti servizzi li ma kinux inklużi fir-rata bażika.
Il-mara spjegat li l-flus li kienet taqla’ kienu jinġabru kuljum mingħand D’Amato, li qalet kien l-unika persuna li ltaqgħet magħha f’Malta.
Minkejja li għandha passaport, il-mara qalet li mhix tikkunsidra li titlaq minn Malta, għax m’għandhiex biżżejjed flus biex taqta’ titjira lura lejn pajjiżha.
Id-disa’ persuni, li qed jiġu mixlija b’dan il-każ, qed jiċħdu akkużi relatati ma’ ħasil ta’ flus, promozzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali, li sforzaw xi nies fil-prostituzzjoni u li kienu qed jgħixu minn flus li daħħlu mill-attività kriminali.